Raġel Ta’ 34 sena Akkużat Li Għen Persuni Jidħlu F’Malta B’Mod Illegali
Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Pulizija ntqal li Eġizzjan ta’ 34 sena, tressaq il-Qorti akkużat li assista numru ta’ persuni sabiex jiddaħħlu Malta illegalment. Mill-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni rriżulta li l-Eġizzjan kien ukoll strumentali sabiex isir il-vjaġġ bejn il-Libja u Malta.
Il-każ ġara fid-19 ta’ Frar, 2021, meta l-Pulizija kienet infurmata li fl-inħawi ta’ bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi, kien hemm grupp ta’ persuni, aktarx immigranti.
Il-pulizija marru mill-ewwel fuq il-post, fejn sabu tmint irġiel. Mill-investigazzjonjiet irriżulta wkoll li l-immigranti ddaħlu Malta permezz ta’ speed boat mil-Libja.
Din l-istess speed boat instabet abbandunata xi ġranet wara.
Il-Pulizija mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni komplew bl-investigazzjonijiet u minn iżjed stħarriġ irriżulta li l-Eġizzjan ta’ 34 sena kien saq is-speed boat u anke kien fost it-tmint irġiel li ġew arrestati dakinhar stess.
Illum, l-Eġizzjan tressaq b’arrest il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia, fejn wieġeb mhux ħati u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Ispettur Karl Roberts.