Se Jkollu Jitlaq Minn Gżira Li Għex Fuqha Għal 32 Sena
Raġel Taljan kien sfurzat jitlaq minn gżira li għex fuqha għal iktar minn 30 sena, wara ħafna pressjoni mill-awtoritajiet.
Lura fl-1989, Mauro Morandi, li llum il-ġurnata jgħodd mal-81 sena, beda jgħix fil-gżira Budelli, li tinsab fit-Tramuntana ta’ Sardenja.
Huwa qal li s-sena l-oħra, is-sidien tal-gżira, magħrufa għar-ramel roża, riduh jitlaq mill-gżira.
Fuq il-midja soċjali, Morandi qal li jittama li Budelli tibqa protetta bħalma pproteġiha hu għal 32 sena.
Fl-2018, ma’ BBC Outlook kien qal li minn dejjem kien kemmxejn ta’ ribell, u wara li ddejjaq mill-konsumeriżmu u l-politika fl-Italja, iddeċieda li jmur fuq gżira remota fil-Polineżja, ‘il bogħod miċ-ċivilizzazzjoni. Ried jibda ħajja ġdida qrib in-natura.
Fl-arċipelagu ta’ La Maddalena, hu u sħabu kellhom jaħdmu sabiex jaqilgħu il-flus u jkunu jistgħu ikomplu jivvjaġġaw.
Ġara iżda li Morandi ltaqa ma’ min kien qed jieħu ħsieb Budelli, u hekk kif dan kien se jirtira, iddeċieda li jibqa fuq il-gżira, jieħu ħsiebha hu.
Minkejja dan, huwa rċieva diversi theddid ta’ żgumbrament matul is-snin.
Fl-2020, il-president tal-Park Nazzjonali f’La Maddalena qal lil CNN li Morandi għamel bidliet illegali fuq il-post li fih kien jgħix, li kien stazzjon tar-radju li jmur lura għat-Tieni Gwerra Dinjija.
Dan filwaqt li 70,000 firma nġabru f’petizzjoni li kienet titlob lill-gvern Taljan biex iħalli lil Morandi jgħix f’Budelli.
Minkejja dan kollu, huwa ddeċieda li jitlaq, u se jkun qed jgħix f’appartament zgħir fuq il-gżira La Maddalena.
Ritratt prinċipali: Getty Images