Sħubija Ġdida Li Twassal Għal Opportunitajiet Għal Riċerkaturi Maltin U Pollakki Fil-Qasam Tal-Kanċer
Ftehim bejn l-Università ta’ Malta u ċ-Ċentru Internazzjonali Pollakk li jiffoka fuq cancer vaccine science (ICCVS) se jipprovdi qafas b’saħħtu għal xjenzati u riċerkaturi Maltin u Pollakki biex igawdu mill-opportunità li jikkollaboraw u jaqsmu riċerka fil-kamp mediku, partikolarment fil-qasam tal-immunologija tal-kanċer u t-trattament tal-vaċċinazzjoni kontra l-kanċer. Fl-istess waqt dan il-ftehim jiftaħ bibien ġodda għall-finanzjament għar-riċerka.
Il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-Covid-19 Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana taw dettalji dwar din il-kollaborazzjoni bbażata fuq ix-xjenza u r-ricerka. Din is-sħubija għandha l-għan li taqsam tagħrif ġdid li jwassal għal modi innovattivi sabiex l-immunoterapija kontra l-kanċer issir iktar preċiża, personalizzata u effettiva.
Il-Ministru Bonnici tenna li din is-sħubija bejn l-Università ta’ Malta u l-ICCVS tal-Polonja se twassal biex ikun hemm iktar skambju ta’ riċerka bejn iż-żewg istituzzjonijiet u li hija kollaborazzjoni li se tgħin lix-xjenzati Maltin filwaqt li tiftaħ opportunitajiet ġodda biex dawn ikunu jistgħu jaċċessaw fondi tar-riċerka mill-Horizon Europe u l-European Research Council.
Saħaq li kwalunkwe sejba frott ir-ricerka li tiġi minn din is-sħubija se tgħin biex ikun hemm tagħrif ġdid li se jwassal għal titjib fit-trattament kontra l-kanċer għall-ġid tal-pazjenti u s-soċjetà.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza tar-riċerka f’kull qasam biex b’hekk inkunu dejjem nistgħu nersqu biex negħlbu l-isfidi li dan jippreżenta.
“Huwa għalhekk tajjeb li ngħallmu s-suġġetti STEM minn età żgħira biex inrawwmu lit-tfal tagħna f’dawn l-oqsma”, qalet il-Ministru Caruana. Hija rreferiet ukoll għal-aħħar rapport TIMSS ( Trends in International Mathematics and Science Study) li fih Malta marret tajjeb ferm meta mqabbel ma’ snin qabel. Il-punteġġi miksuba kemm fil-matematika kif ukoll fix-xjenza juru biċ-ċar li r-riżultati ta’ ippjanar strateġiku u xogħol iebes qed iħallu l-frott, u għalhekk irid jissaħħaħ dan ix-xogħol biex dak miksub s’issa jinżamm u jittejjeb sabiex isir progress ulterjuri.
Anke r-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella tenna li dan huwa pass importanti għat-trawwim ta’ kollaborazzjonijiet fir-riċerka fl-oqsma tal-immunoloġija tal-kanċer u t-trattament tal-vaċċinazzjoni kontra l-kanċer, li jistgħu jwasslu għal rivoluzzjoni fit-trattament tal-kanċer.
Din is-sħubija ġiet stabbilita bis-saħħa ta’ kollaborazjoni bejn Dr David Saliba mill-Università ta’ Malta u l-Professur Ted Hupp, li jmexxi l-ICCVS.
Dr Saliba enfasizza li din il-kollaborazzjoni se tagħti opportunità importanti ħafna lix-xjenzati Maltin li jippartecipaw fi skambji akkademiċi u jkunu parti minn riċerka avvanzata fil-qasam tal-kanċer.
Il-Professur Hupp qal li ċ-ċentru li jmexxi huwa ċentru ta’ eċċellenza li huwa ffukat fuq riċerka inter-dixxiplinarja. “Il-kollaborazzjoni,” qal il-Prof Hupp, “hija pass importanti ħafna fil-viżjoni tagħna li nsaħħu l-iskambju tat-tagħrif u niffaċilitaw sejbiet ġodda fil-qasam tar-riċerka kontra l-kanċer.”