Tar-‘River Of Love’ Jgħidu Li Min Jieħu L-Vaċċin Jieħu N-Numru Tax-Xitan
L-MEP Cyrus Engerer qal li rċieva numru ta’ e-mails minn persuni li jattendu l-knisja River of Love fejn talbuh jivvota kontra ċ-ċertifikazzjoni tal-vaċċin u t-testijiet tal-Covid-19.
Qalulu, li kull min jieħu l-vaċċin ikun “qiegħed jieħu n-numru tax-xitan” u li fuq din il-kwistjoni “kulħadd għandu d-dritt tal-għażla fuq ġismu u tal-awtonomija fiżika”.
Engerer argumenta li dawn l-istess nies l-ewwel beżżgħu bid-divorzju, imbagħad biż-żwieġ indaqs u issa bil-vaċċin.
Spjega li huwa fl-interess ta’ kulħadd, li tkun protetta l-ħajja tal-pubbliku, speċjalment dawk vulnerabbli.
“Wasal iż-żmien ukoll li kull persuna terġa tingħata d-dritt u l-libertà taċ-ċaqliq ħieles bejn pajjiż u ieħor tal-Unjoni Ewropea. Importanti wkoll li nħarsu l-interessi tal-ħaddiema u n-negożji f’pajjiżna billi nerġgħu nqajmu l-ekonomija Ewropea fuq saqajha.”
Tenna li minħabba dan kollu, għada se jkun qed jivvota fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin u jnkompli jħeġġiġhom jieħdu l-vaċċin b’responsabilità lejn il-kumplament tas-soċjetà.