Tissejjaħ Lura Ġakketta Tas-Salvataġġ ‘Tribord’
Fi stqarrija mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) intqal li saret sejħa li għamel il-manifattur tal-ġakketta tas-salvataġġ ‘TRIBORD’; Isem tal-prodott: LJ150 NEW; Numru tal-mudell: 8491769; Barcode: 3608459556665.
Jidher li xi ċilindri tal-ġakketta tas-salvataġġ jistgħu jkunu vojta u għalhekk ikun impossibbli li din tintefaħ u taqdi l-funzjoni ewlenija tagħha. B’riżultat ta’ dan, il-prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar it-Tagħmir Protettiv Personali.
Konsumaturi li xtraw dan il-prodott huma mitluba jieqfu jużaw dan il-prodott b’mod immedjat u jirritornawh lura. Skont il-liġi, il-bejjiegħa huma obbligati li joffru rimedju lill-konsumaturi li jirritornaw dawn il-prodotti lura.
Għal aktar informazzjoni jew mistoqsijiet oħra, tista’ tikkuntattja lill-MCCAA fuq [email protected].