30 Persuna B’Diżabilità Jingħataw Tablet Sabiex Ikomplu Taħriġ Virtwali

 30 Persuna B’Diżabilità Jingħataw Tablet Sabiex Ikomplu Taħriġ Virtwali

Permezz ta’ ftehim bejn Aġenżija Sapport u Aġenzija Residenza Malta, tletin persuna b’diżabilità li matul il-pandemija ma setgħux jibqgħu jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum tal-Aġenzija Sapport, ingħataw tablet sabiex isegwu sessjonijiet virtwali mħejjija miċ-Ċentri. 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat dalgħodu attendew iċ-Ċentru Skills Space f’Tas-Sliema sabiex isegwu waħda minn dawn is-sessjonijiet.

Aġenzija Sapport tippjana sessjonijiet sabiex persuni b’diżabilità ikollhom aċċess għat-teknoloġija, kif ukoll taħriġ tal-istess teknoloġija.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tkellmet kif permezz t’investiment ta’ €11,000 mill-Aġenzija Residenza Malta, dan il-proġett seta’ jseħħ u jwassal għall-inklużjoni ta’ dawn il-persuni. Il-fondi jkopru wkoll kuntratti għal servizz tal-internet fid-djar ta’ wħud minn dawn il-persuni, skont il-ħtieġa tal-familja.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna li “hu sodisfaċenti tara li, bil-ħidma tagħna biex nattiraw lil min jixtieq jinvesti f’pajjiżna, qed igawdu persuni u qed intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna l-Maltin u l-Għawdxin, f’mumenti delikati għall-ekonomiji kollha madwar id-dinja”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras, qalet li dan il-proġett ikompli jorbot fuq il-pjan t’Aġenzija Sapport li tkompli tiżviluppa l-mezzi kif twassal is-servizzi tagħha u taddatta għaċ-ċirkostanzi. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Residenza Malta Charles Mizzi qal li “Residenza Malta qiegħda tgħaddi l-ġid li benefiċċjarji tal-programm ta’ residenza b’investiment qegħdin iħallu lokalment. Grazzi għal dan il-ġid, qed jibbenefikaw ċittadini u s-soċjetà tagħna”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com