Akkomodazzjoni Soċjali Wara Restawr Ta’ Djar Battala

 Akkomodazzjoni Soċjali Wara Restawr Ta’ Djar Battala

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, waqt żjara f’dar f’Ħal Qormi, tkellem kif minbarra l-bini ġdid t’akkomodazzjoni soċjali, ir-riġenerazzjoni u r-restawr kienu ukoll mezz li għażel dan il-Gvern sabiex isaħħaħ il-provista tal-akkomodazzjoni soċjali. 

Din id-dar kienet waħda minn 24 proprjetà li sa issa bbenefikaw mill-iskema Restawr ta’ Djar Battala.

Il-Ministru Galdes tkellem kif propjetajiet battala li kien hawn imxerrdin mal-pajjiż kienu jġibu l-ħela u jagħmlu ħsara ambjentali. Għal dan il-għan kellha tinstab soluzzjoni li tindirizza l-ispejjeż għoljin li jġib miegħu r-restawr.

Permezz tal-iskema Restawr ta’ Djar Battala, l-Awtorità tad-Djar toffri sa €25,000 lil sidien ta’ djar battala biex isir ir-restawr meħtieġ. L-istess proprjetà tinkera mill-Awtorità lill-familji li jikkwalifikaw għal akkomodazzjoni soċjali u s-sid tal-proprjetà jirċievi kera maqbula mingħand l-Awtorità tad-Djar għal 10 snin sħaħ.

Sid id-dar f’Ħal Qormi qal li bis-saħħa ta’ din l-iskema d-dar, li għall-aħħar snin kienet mitluqa, setgħet terġa’ tkun abitabbli.

Il-Ministru Galdes tkellem kif fil-qalba ta’ dawn il-miżuri hemm il-familji li jeħtieġu saqaf diċenti u għalhekk qegħdin jinħolqu soluzzjonijiet ġodda.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid Mckay, tkellem kif “Dan il-bżonn li jeżisti fostna u li jwassal lin-nies biex jirrikorru għand l-Awtorità tad-Djar għal alternattiva ta’ akkomodazzjoni, qed jiġi indirizzat b’diversi modi u mhux biss permezz tal-kostruzzjoni”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com