Appoġġ Lill-Kulleġġ Maria Reġina Tal-Mosta Mill-Aġenzija Residenza Malta

 Appoġġ Lill-Kulleġġ Maria Reġina Tal-Mosta Mill-Aġenzija Residenza Malta

L-Aġenzija Residenza Malta qed tagħti appoġġ finanzjarju lill-Kulleġġ Maria Reġina tal-Mosta, għal ristrutturar ta’ żoni edukattivi fil-Kulleġġ u għodod ġodda li permezz tagħhom l-istudenti jistgħu jkollhom esperjenza ta’ tagħlim aħjar. L-iffirmar tal-ftehim sar illum, ippresedut mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għaċ-ċittadinanza u Komunitajiet Alex Muscat.

Somma ta’ 40,000 ewro se tmur għal ristrutturar tal-laboratorji tax-xjenza tal-iskola Sekondarja. Il-proġett ta’ tisbiħ se jinkludi servizz ġdid ta’ dawl u ilma, art ġdida, storage, bankijiet għall-istudenti u l-għalliema, dawl u tagħmir xjentifiku ġdid.

Fond addizzjonali ta’ 25,000 ewro allokat minn Residenza Malta se jkun dedikat għat-tisbiħ tal-librerija tal-iskola Primarja. Ix-xogħolijiet għandhom jibdew f’Ġunju u se jinkludu dekorazzjoni tal-ħitan, installazzjoni ta’ parquet, pannelli LED, units tal-kewba għall-kotba u żona għall-qari, smiegħ ta’ stejjer u teatru tal-pupazzi. L-iskola se tinvesti wkoll f’riżorsi moderni ta’ tagħlim bħal m’huma kotba kbar u għodod oħra.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet, “Dan l-investiment se jmur għal proġetti biex, mhux biss intejjbu u jkun hemm iktar tagħlim kwalitattiv, imma jkollna ambjenti isbaħ u iktar faċilitajiet biex it-tfal tagħna tassew jieħdu edukazzjoni ħolistika”.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal “Aħna nagħrfu l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni u tax-xjenza u l-qari fil-vjaġġ edukattiv ta’ kull student. “Dawn huma kkunsidrati elementi kruċjali fl-iżvilupp tal-istudent. Il-mira tal-Gvern hija li ntejbu l-aċċess għal dawn il-ħiliet u nħajjru lill-istudenti biex jieħdu ġost jitgħallmu billi nagħtuhom l-għodod kollha possibli.”

“Il-programm ta’ residenza b’investiment tal-Gvern qed jiġġenera ġid sinifikanti għal Malta fi żmien ta’ sfida,” kompla jgħid is-sur Muscat. “Tibdil riċenti fil-programm se jħalli aktar fondi għal proġetti soċjali u NGOs, apparti l-kontribut dirett akbar li jmur fil-Fond Konsolidat. Huwa permezz ta’ inizjattivi bħal dawn li l-Gvern jiżgura ekonomija sostenibli għall-futur.”

“It-titjib fil-laboratorji tax-xjenza jimxi pari passu mal-introduzzjoni tal-Core Science bħala parti mill-programme ta’ tagħlim implimentat fl-iskejjel sekondarji,” qal Patrick Decelis, Kap tan-netwerk tal-Kulleġġ Maria Reġina. “Se jsaħħaħ ukoll l-aċċess għas-suġġetti STEM mill-istudenti, f’kollaborazzjoni ma’ suġġetti vokazzjonali li diġà noffru. B’hekk, l-iskola toffri esperjenza ta’ tagħlim STEM ħolistiku.”

“Il-proġett tal-librerija hu kruċjali, u studenti li jitgħallmu jħobbu jaqraw minn età bikrija għanhom vantaġġ li jakkwistaw aktar għarfien ġenerali, vokabolarju iżjed estensiv li jgħinhom jesprimu ruħhom, u jiksbu suċċess f’suġġetti oħra. Id-donazzjoni ġeneruża tal-Aġenzija Residenza Malta, li għaliha aħna grati, se tgħinna mhux ftit sabiex nilħqu l-għanijiet tagħna,” kompla jgħid is-Sur Declis.

Residenza Malta hija l-Aġenzija tal-Gvern li tħaddem il-Programm ta’ Residenza Permanenti. L-Aġenzija hi konsistenti fl-isforzi tagħha biex tiġbed individwi u familji ta’ kwalità lejn Malta billi tapplika proċess rigoruż ta’ kontrolli. Miftuħ għal familji minn pajjiżi terzi, il-programm jagħti lill-benefiċjarji residenza permanenti f’Malta u safar mingħajr Visa fiż-Żona Schengen.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com