Ara: Il-PM Jenfasizza Dwar It-Teħid Tal-Vaċċin – Mira Li L-Vawċers Jitqassmu Fis-7 Ta’ Ġunju

 Ara: Il-PM Jenfasizza Dwar It-Teħid Tal-Vaċċin – Mira Li L-Vawċers Jitqassmu Fis-7 Ta’ Ġunju

Dr. Lydia Abela tinsab tajba u l-Prim Ministru flimkien mat-tifla Giorgia Mae jinsabu fi kwarantina. Hekk beda l-Prim Ministru f’intervista virtwali li saret mal-Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE News Edward Montebello. Awgura wkoll il-Jum l-Omm it-tajjeb lill-ommijiet kollha.

Il-Prim Ministru appella biex inkomplu nieħdu l-vaċċin hekk kif għada, 10 ta’ Mejju se jibdew ikunu rilaxxati bosta restrizzjonijiet iżda dan ma jfissirx li għadda kollox.

Semma kemm it-teħid tal-vaċċin huwa iżjed kruċjali u ma jistax ikollna tnaqqis fit-teħid tiegħu għaliex dan ikun żball kbir. “Dan jagħti wkoll sens ta’ sigurtà bħala għodda mal-bqija tal-miżuri li għandna”, spjega l-Prim Ministru Robert Abela.

Semma kif fil-Kunsill Ewropew ġie diskuss li kull mexxej Ewropej irid jara li kull individwu f’pajjiżu, jieħu l-vaċċin.

Tkellem ukoll dwar is-summit f’Porto fejn saret laqgħa virtwali mal-Prim Ministru Indjan u li wriet realtà ta’ kif il-pandemija għadha qed tolqot imkejjen fid-dinja. Semma wkoll il-Green Certificate li se jgħin fil-mobilità taċ-ċittadini kemm għall-ivvjaġġar u anke xogħol f’pajjiżi differenti. “Min ma jiħux il-vaċċin, mhux ser ikollu dan iċ-ċertifikat.”

Dan iċ-ċertifikat se jintuża wkoll għal avvenimenti soċjali fil-pajjiż inkluż f’Malta.

It-tema b’saħħitha l-oħra fil-Porto Summit kienet ix-xogħol. Hawnhekk saret referenza għal 100,000 impjieg f’pajjiżna li ntlaqtu u li kienu mgħejjuna mill-Gvern Malti u ma ntilfux b’investiment ta’ biljun u nofs ewro anke permezz tal-Covid-wage supplement.

Elenka għal darb’oħra ir-rilaxx gradwali kif se jsir biex imbagħad, jitkomplew jingħataw l-inċentivi fejn fihom, l-ottimiżu u l-pożittività huma ċentrali. Hawnhekk ħarġet l-osservazzjoni li l-għajnuna mhix se tieqaf; punt ta’ distinzjoni anke meta Malta titqabbel ma’ pajjiżi oħra barranin.

Il-PM Robert Abela ħabbar li fis-7 ta’ Ġunju, hemm il-mira li jitqassmu l-vawċers b’total ta’ €45 miljun.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com