Chelsea Jirbħu D-‘Dress Rehearsel’ Tal-Finali Ewropeja Daqt.. Liverpool Pass Lejn Ir-Raba’ Post.. Spurs Jitilfu

 Chelsea Jirbħu D-‘Dress Rehearsel’ Tal-Finali Ewropeja Daqt.. Liverpool Pass Lejn Ir-Raba’ Post.. Spurs Jitilfu

Premier League

F’antiċipazzjoni għall-finali tal-UEFA Champions League tliet ġimgħat oħra, Chelsea reġgħu għelbu lil Manchester City, din id-darba 2-1 barra minn darhom fil-kampjonat wara li ġimgħatejn ilu f’Wembley Stadium għelbuhom 1-0 fis-semifinali tal-FA Cup.

Dan ir-riżultat ikompli jikkonferma l-affarijiet kbar li l-manager Thomas Tuchel qed jagħmel ma’ Chelsea f’ġimgħa mill-aqwa għalihom issiġillata b’dan ir-riżultat fl-Etihad Stadium, fejn wara li Raheem Sterling poġġa lis-City fil-vantaġġ fl-44 minuta, eżatt qabel il-mistrieħ Sergio Aguero prova panenka penalty mill-ħdax-il metru iżda l-goalkeeper tal-Blues Edouard Mendy ma’ ġiex ingannat, baqa’ fuq saqajħ u salva mingħajr diffikulta.

Fit-tieni taqsima, Chelsea wettqu reazzjoni, l-ewwel kisbu d-draw b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa għar-rokna ta’ Hakim Ziyech, saħansitra kisbu r-rebħa b’goal fil-ħin miżjud, kien Marcos Alonso li tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper ta’ Man City Ederson Moraes (ritratt), għal skor finali Manchester City 1 Chelsea 2.

Rebħa għal Chelsea li biha saħħew l-isfida fl-ewwel erba’ postijiet, Manchester City virtwalment Champions tal-Ingilterra, jipposponu ċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom, jonqoshom biss rebħa waħda mill-aħħar tliet logħbiet li fadlilhom biex jiġu nkurunati uffiċjalment.

Kif ġa semmejna issa ż-żewġ naħat jiltaqgħu nhar is-Sibt 29 ta’ Mejju, jinżel is-separju fuq l-istaġun tal-futbol fuq livell ta’ klabbs bil-finali bejniethom tal-UEFA Champions League, suppost f’Istanbul it-Turkija, venue li iżda jinsab f’dubju minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar marbuta mal-pandemija.

F’logħbiet oħra s-Sibt mill-Premier League, Liverpool għamlu pass ieħor lejn post fil-UEFA Champions League l-istaġun li ġej, ir-raba’ post dejjem aktar viċin b’rebħa 2-0 fuq Southampton.

Goal f’kull taqsima għar-Reds, mill-eks tal-partita Sadio Mane, lejn it-tmiem irdoppja Thiago Alcantara, b’xutt fil-baxx għar-rokna minn tarf il-kaxxa.

U jekk Liverpool qed jersqu lejn ir-raba’ post, Tottenham ikomplu jitbiegħdu b’telfa ta’ 3-1 għand Leeds United li marru fil-vantaġġ minn Stuart Dallas, draw mometarju mill-Korean Heung-Min Son għal Spurs, iżda Leeds reġgħu kisbu l-vantaġġ qabel il-mistrieħ minn Patrick Bamford, żiedu goal ieħor lejn tmiem il-partita minn Rodrigo, wara azzjoni ta’ kontrattakk.

F’partita oħra bla nteress, Crystal Palace barra minn darhom għelbu lit-tim diġa relegat Sheffield United bl-iskor ta’ 2-0.

Il-Ħadd, erba’ partiti oħra, jispikkaw Aston Villa kontra Manchester United u West Ham jilqgħu lil Everton.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com