Bil-Filmat: Ftehim Li Jsaħħaħ In-Niċċa Tat-Turiżmu Reliġjuż – Investiment Ta’ €30,000 F’Mużew Elenjan

 Bil-Filmat: Ftehim Li Jsaħħaħ In-Niċċa Tat-Turiżmu Reliġjuż – Investiment Ta’ €30,000 F’Mużew Elenjan

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ħbieb tat-Tempju Elenjan sabiex din l-istess għaqda tkompli tinvesti f’mużew fil-Knisja Bażilika Kolleġjata ta’ Sant’ Elena, li dan tal-aħħar mistenni jservi ta’ attrazzjoni kulturali għal turisti li jagħżlu lill-pajjiżna bħala d-destinazzjoni reliġjuża tagħhom.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkun qiegħda tinvesti €30,000 biex dan il-mużew jiġi mgħammar b’iżjed opri tal-arti li jikkumplimentaw l-istorja kulturali ta’ Birkirkara.

Dan il-ftehim ġie ffirmat miċ-Chairman tal-istess Awtorità Gavin Gulia u Emmanuel Cassar mill-għaqda Ħbieb tat-Tempju Elenjan fil-preżenza tal-Prepostu Arcipriet Mons. Paul Carmel Vella u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo.

“Malta toffri ‘l fuq minn 590 post ta’ qima, iżda sal-lum huma ftit li jiftħu l-bibien tagħhom għall-viżitaturi. Din id-disponibbiltà kollha, flimkien ma’ aktar aċċess u progress tista’ twassal għal turiżmu bbażat fuq il-fidi, li joffri sitwazzjoni sostenibbli fis-settur turistiku”, kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo fejn qal li l-Gvern se jkompli jkun ta’ spalla għal dawn l-għaqdiet biex ikun ippriservat il-patrimonju ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, Gavin Gulia qal li permezz ta’ din id-donazzjoni, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda għal darb’oħra tagħti l-importanza xierqa lin-niċċa tat-turizmu marbut mar-reliġjon.

Intant, Emmanuel Sammut f’isem il-Ħbieb tat-Tempju Elenjan irringrazzja lill-gvern u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tal-kontribut tagħhom biex dan il-mużew jitlesta fl-inqas ħin possibbli.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com