Edukazzjoni Għal Kulħadd B’Fondi Ewropej

 Edukazzjoni Għal Kulħadd B’Fondi Ewropej

Waqt żjara fil-kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop rigward il-proġett INVEST

L-edukazzjoni hija waħda mill-għodod l-aktar importanti li permezz tagħha ż-żgħażagħ jistgħu jkomplu javvanzaw fil-ħajja u jistgħu jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. Grazzi għal investiment tajjeb li dan il-Gvern qed jagħmel permezz ta’ fondi Ewropej fil-qasam edukattiv, qed nindirizzaw dawk li jitilqu mill-iskola kmieni fost l-adolexxenti Maltin. Din hija waħda mill-miżuri li dan il-Gvern qed jieħu sabiex nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni għal kulħadd ħalli b’hekk inkunu nistgħu nnaqqsu r-rata ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni. Għalhekk huwa importanti li noffru mod ta’ tagħlim alternattiv għall-istudenti sabiex ma nkomplux nitilfu t-talent li għandhom dawn iż-żgħażagħ.

Permezz ta’ proġett li sar b’investiment totali ta’ €10 miljun, li €3 miljun minnhom ġejjin minn fondi Ewropej, saru madwar 80-il laboratorju għal taħriġ fl-edukazzjoni vokazzjonali f’14-il skola tal-istat madwar Malta u Għawdex.

Il-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop huwa wieħed mil-iskejjel li qed jibbenefika minn dan il-proġett u grazzi għal dawn il-fondi ġew installati 6 laboratorji li jvarjaw minn laboratorji tal-inġinerija, IT, midja, retail labs, ospitalità u kura tas-saħħa u soċjali.

Grazzi għal proġetti bħal dawn li huma ffinanzjati minn fondi Ewropej, qed inkomplu nagħtu l-opportunita liż-żgħażagħ tagħna sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. Opportunitajiet differenti li jaħsbu fl-abiltajiet taż-żgħażagħ kollha biex kulħadd ikun jista’ jikseb suċċess. 

Iż-żgħażagħ tagħna mhumiex biss il-futur iżda huma wkoll il-preżent u dan bħala Gvern għarafnih. Permezz ta’ fondi Ewropej qed inkomplu ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna billi qed nipprovdulhom l-għodda li għandhom bżonn biex ikomplu jiksbu aktar suċċessi. Dawn huma fondi Ewropej li verament qed jaslu għand kulħadd.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com