Ftehim Ta’ €2.9 miljun Mal-ALS Malta Foundation
Il-gvern, permezz tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u Aġenzija Sapport, iffirma ftehim soċjali mal-ALS Malta Foundation – Dar Bjorn, li jammonta għal €2.9 miljun. Dan l-investiment huwa €128,280 aktar mill-ftehim preċedenti. B’kollox dan il-ftehim ikopri 13-il sodda għal persuni li jbatu minn kundizzjonijiet newroloġiċi severi.
Erbgħa minn dawn is-sodod huma ta’ Livell 3 fejn il-pazjent ikollu bżonn appoġġ sostanzjali, ikun ristrett meta jiġi biex iwettaq biċċa xogħol, u jkollu bżonn ħafna assistenza, u d-disgħa l-oħra huma ta’ Livell 4, li jfisser li l-pazjent ikollu bżonn appoġġ komplet għaliex ma jkun jista’ jindirizza l-ebda ħtieġa personali u għalhekk jeħtieġ assistenza kompleta.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li din is-sena l-gvern se jkun investa €8.2 miljun f’kuntratti ma’ djar fil-komunità, investiment ta’ 35% aktar fuq il-ftehimiet ta’ qabel. Sostniet li l-ħidma bejn Aġenzija Sapport u Dar Bjorn tmur lura sa mill-ftuħ ta’ din id-dar, li bdiet tindirizza bżonn partikolari u differenti minn dawk ta’ residenzi oħra minħabba li persuni li jkollhom bżonn dan is-servizz għandhom bżonn ukoll kura u attenzjoni anke fuq livell mediku. Għalhekk, is-servizz mogħti permezz ta’ Dar Bjorn ikompli jkabbar il-firxa ta’ servizzi għal persuni b’diżabilitajiet diversi.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli rrikonoxxiet il-ħidma li qiegħed jagħmel Bjorn Formosa u tenniet li l-gvern huwa kommess li jkompli jgħin u jassisti lill-persuni b’diżabilità. Fil-fatt ftit ġimgħat u jiem ilu, l-gvern, taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, ffirma ftehim simili ta’ €3.717 miljun mal-Fondazzjoni Wens u ieħor ta’ €4.2 miljun ma’ Dar il-Kaptan. Dawn ikomplu juru kemm is-settur tad-diżabilità huwa ta’ prijorità għal dan il-gvern.
Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella saħaq li permezz ta’ dan il-ftehim soċjali, il-gvern qed ikompli jsaħħaħ il-fiduċja u l-investiment tiegħu fis-servizz mogħti minn din il-Fondazzjoni, b’risq individwi b’diffikultajiet newroloġiċi severi. Dan hekk kif dan il-ftehim soċjali qed ikompli jinkoraġġixxi l-ħidma fil-komunità u jkompli jara li dawn l-individwi jingħataw servizz ta’ kwalità u għalhekk l-appoġġ u d-dinjità li jixraqilhom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras iddeskriviet dan il-ftehim bħala pass importanti li jkompli jkabbar il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet. Is-Sinjura Sciberras saħqet ukoll fuq l-importanza ta’ Dar Bjorn speċjalment għax tindirizza bżonnijiet partikolari għal persuni b’diżabilità minħabba l-kundizzjoni medika tagħhom u għalhekk tkompli twessa’ l-firxa ta’ servizzi lil persuni b’diżabilitajiet differenti.
Iċ-Chairperson tal-ALS Malta Foundation Bjorn Formosa rringrazzja lill-gvern għal dan il-ftehim għaliex se jkun qiegħed jgħin lil dawk li huma f’tant bżonn. Is-Sur Formosa qal li l-għan ta’ Dar Bjorn huwa li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għal persuni b’ALS, MS, u kundizzjonijiet newroloġiċi oħra permezz ta’ kura 24/7 u trattamenti speċjali.
Ritratt: DOI / James Galea