Għaqdiet Volontarji U Kumpaniji Jingħataw €190,000 Biex Iwettqu Xogħlijiet Ta’ Restawr Jew Riġenerar Fuq Postijiet U Swali
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar il-lista ta’ benefiċċjarji li se jkunu qed igawdu mill-iskema magħrufa bħala MICE li tnediet għall-ewwel darba s-sena l-oħra. B’din l-iskema finanzjarja għaqdiet volontarji u kumpaniji ħadu fondi sabiex iwettqu xogħlijiet ta’ restawr jew riġenerar fuq postijiet u swali li fihom ikunu jistgħu jorganizzaw diversi laqgħat, joħolqu inċentivi, konferenzi u esebizzjonijiet internazzjonali (MICE). Dawn is-swali jrid ikollhom seating capacity ta’ mill-inqas 150 persuna. Il-Ministru Camilleri qal li dawn il-proġetti ser ikollhom nefqa totali ta’ madwar €380,000, u l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed ikopri 50% ta’ dan l-investiment, jiġifieri €190,000.
Huwa nnota kif permezz ta’ din l-iskema f’Għawdex se tkun qed tinħoloq niċċa ekonomika oħra, li mistennija tattira lejn il-gżira Għawdxija aktar turiżmu ta’ kwalità. Hawnhekk il-Ministru spjega kif “ħafna jirreferu għal-MICE bħala dak li huwa meqjus business travel u għalhekk hemm konnotazzjonijiet b’saħħithom mas-settur tal-konferenzi. Minkejja dan, il-MICE huwa kunċett li jista’ jintrabat ma’ niċeċ turistiċi oħrajn fih, bħal dak tar-turiżmu reliġjuż, u esebizzjonijiet artistiċi u kuturali fost l-oħrajn.”
Id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex Ronald Sultana qal li wara li għalaq il-perjodu tal-eliġibbiltà tal-iskema, l-applikazzjonijiet sottomessi ġew evalwati skont il-kriterji tal-linja gwida.
Is-sitt proġetti li qed jibbenefikaw mill-ko-finanzjament tal-Ministeru huma:
- Kempinski Hotel San Lawrenz
- Nadur Teen & Youth Centre
- Gozo Conference & Expo Centre tas-Soċjetà Filarmonika Leone
- Giuseppe Giardini Hall Teatru Astra tas-Soċjetà Filarmonika La Stella
- Palazzo Ċelio tal-Għaqda Mużikali San Girgor Kercem
- Is-sala tal-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Żebbuġ
Il-Ministru fakkar kif din l-iskema ġiet imħabbra propju fl-eqqel tal-pandemija u qal li kollaborazzjonijiet simili bejn il-Ministeru għal Għawdex u għaqdiet differenti jwasslu għal ħolqien ta’ aktar xogħol kif ukoll li jinfetħu orizzonti ġodda fil-prodott turistiku offrut f’Għawdex.
Finalment il-Ministru Clint Camilleri fakkar u ħeġġeġ operaturi oħrajn interessati sabiex japplikaw għal din l-iskema li hija miftuħa wkoll din is-sena.