Il-Knisja Toħroġ Id-Direttivi Dwar Il-Festi Għal Din Is-Sena

 Il-Knisja Toħroġ Id-Direttivi Dwar Il-Festi Għal Din Is-Sena

Il-Knisja ppubblikat id-direttivi taċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi għal din is-sena, minħabba l-Covid-19.

Fi stqarrija, il-Knisja qalet li d-direttivi jistipulaw li l-quddies u ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra relatati mal-festa jkunu konformi mad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi u/jew ċiviċi li jkunu fis-seħħ f’dak iż-żmien.

Il-Knisja qalet li skont id-direttivi, l-istatwa għandha tinħareġ u tiddaħħal lura fin-niċċa b’mod privat u li l-armar jista’ jsir bħalma jsir ssoltu.

Id-direttivi, li jidħlu fis-seħħ illum huma msejsa fuq żewġ prinċipji: li l-festa hi okkażjoni li tfakkar u ssejjaħ lill-Insara jimxu fuq l-eżempju tal-qaddisin, u li hi okkażjoni fejn tintwera solidarjetà ma’ dawk l-aktar fil-bżonn fil-komunità parrokkjali, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet li fihom il-familji għaddejjin minn diversi sfidi, qalet il-Knisja.

Il-Knisja qalet ukoll kif iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ barra l-bini tal-knisja li normalment jiġu organizzati mill-Knisja, kif diġà ntqal fl-istqarrija tal-14 ta’ Mejju, isiru biss jekk, fejn u meta l-awtoritajiet tas-saħħa jawtorizzawhom bħala attivitajiet permessi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com