Il-President Iwieġeb Għall-Kritika Talli Esprima Tħassib Dwar Kostruzzjoni Fiż-Żejtun
L-Uffiċċju tal-President fi stqarrija, irrefera għall-kummenti riċenti fuq il-midja soċjali li jikkritikaw lill-President talli esprima t-tħassib tiegħu dwar il-kostruzzjoni ta’ binja ta’ erba’ sulari ftit metri ‘l bogħod minn binja skedata għall-ħarsien viċin it-triq tiegħu fiż-Żejtun.
Fil-kritika li saret, intqal li l-President stenbaħ għar-realtà ta’ din il-qerda urbana b’bini xejn attraenti, issa li laqtet viċin fejn jgħix.
Intqal li ma kienx hemm raġuni għala din il-kritika tkun b’insulti u tgħajjir filwaqt li elenkaw meta l-President George vella kien pijunier fis-snin 70 u 80 li kiteb dwar il-kuxjenza dwar l-ambjent.
Tfakkar ukoll li lura fl-2019, meta ngħata l-inkarigu ta’ President tar-Repubblika, fid-diskors tiegħu tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ kontroll aħjar u appella lill-awtoritajiet relevanti jimxu bl-akbar responsabbiltà mar-regolamenti u mal-liġi, liema aċċenn, spiss jirrepeti.
F’dawn l-aħħar xhur, is-sejħiet tal-President saru iktar ibsin meta indirizza professjonisti fil-qasam, kif għamel meta indirizza lir-rebbieħa tal-Malta Spatial Planning Award.
Il-President Vella kien probabbilment fost l-ewwel nies li użaw il-kelma “tkerrih” (“uglification”) ta’ Malta meta rrefera għall-binjiet bla gost li kienu telgħin madwar il-pajjiż kollu kemm hu, li jagħmlu ħerba mit-tessut taċ-ċentri urbani tagħna, li tant ngħożżu.
L-istqarrija tkompli billi tispjega d-diversi appelli li dejjem saru bi skop għall-ġid tal-pajjiż u tenniet li hu jkompli jingħaqad maċ-ċittadini kollha b’intenzjoni tajba biex jagħmel appell sinċier u mill-qalb lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jirrevedu b’mod serju r-regolamenti eżistenti dwar l-ippjanar u l-bini, sabiex jevitaw li jippermettu li jitilgħu iktar strutturi koroh u li jweġġgħu l-għajn madwar Malta u Għawdex.