Il-Vidjow Mużikali Ta’ Ħarsa Biss Issa Fuq YouTube!
Marzu li għadda ra r-ritorn tal-ikbar konkors mużikali Malti, b’ċelebrazzjoni sħiħa ta’ mużika Maltija li uriet il-veru potenzjal tat-talent lokali. Mużika Mużika, ra l-parteċipazzjoni ta’ 20 kanzunetta semifinalista tal-għola kwalita’, u minkejja l-pandemija kurrenti dan irnexxielu jikseb suċċess liema bħalu li ammonta għall aktar minn 320,000 telespettatur.
Il-kanzunetta rebbieħa, Ħarsa Biss, kisbet total ta’ 42 vot mill-ġurija u 51 punt mit-televoting li għenuha tikseb l-ewwel post fl-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika. B’interpretazzjoni ta’ Glen Vella, kompożizzjoni ta’ Philip Vella u lirika ta’ Joe Julian Farrugia, il-kanzunetta Ħarsa Biss titratta l-imħabba bla qies li persuna tħoss lejn il-maħbub/a tagħha.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, it-tim ta’ Festivals Malta beda jaħdem bis-sħiħ biex iniedi l-vidjow mużikali għall-kanzunetta rebbieħa li ġie mniedi iktar kmieni illum fuq il-pjattaformi soċjali ta’ Mużika Mużika u Festivals Malta. Arah hawn taħt:
Ta’ min jgħid li l-vidjow mużikali ġie miġbud fil-Forti Sant’Anġlu l-Birgu, b’teknika partikolari li jsejħula one-shot, teknika li bħalha ma tantx rajna fi proġetti awdjoviżivi Maltin. Il-produzzjoni tal-vidjow involviet diversi sigħat ta’ provi sakemm ġie pperfezzjonat l-koordinament ta’ tibdil fix-xenografija filwaqt li kienu qed jiġu miġbuda x-xeni differenti li jinkludu diversi tibdiliet ta’ kostumi, props, dawl u effetti speċjali.
Aħna nawguraw kull suċċess lil Glenn Vella, Philip Vella u Joe Julian Farrugia kemm għal din il-kanzunetta kif ukoll għall- futur.
Ritratt: Paul Camilleri