Ivverifika Ismek Fir-Reġistru Elettorali
Fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali tfakkar lil dawk kollha li kienu kwalifikati biex ikunu reġistrati bħala votanti fil-31 ta’ Marzu 2021, dwar l-importanza li wieħed jivverifika li ismu u l-partikolaritajiet tiegħu jidhru fir-reġistru elettorali rivedut, ippubblikat fit-30 t’April 2021.
Wieħed jinnota kif dawk il-persuni li saru ċittadini ta’ Malta b’naturalizzazzjoni jew b’reġistrazzjoni u dawk li għandhom ċertifikat ta’ ċittadinanza doppja għandhom id-dritt ikunu reġistrati bħala votanti f’dan ir-reġistru jekk, fil-31 ta’ Marzu, 2021, kellhom il-kwalifiki meħtieġa skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta u skont l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354). Għaldaqstant, dawn l-individwi huma mħeġġa jivverifikaw li huma jidhru bħala votanti f’dan ir-reġistru.
Min m’huwiex imsemmi f’dan ir-reġistru, jew għandu xi partikolaritajiet li jeħtieġu korrezzjoni, jista’ jippreżenta appell lill-uffiċjal reviżur sa nhar il-Ġimgħa l-21 ta’ Mejju 2021. Rigward dan wieħed jista’ jikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali, Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta jew mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.
Ritratt: One News