Jekk Tirbaħ Destiny Tkun L-Iżgħar Rebbieħa Tal-Eurovision?

 Jekk Tirbaħ Destiny Tkun L-Iżgħar Rebbieħa Tal-Eurovision?

Destiny Chukunyere hija fost il-favoriti li din is-sena tirbaħ il-65 edizzjoni ta’ dan il-festival li din is-sena qiegħed issir f’Rotterdam. Wara snin ta’ stennija għall-ewwel darba f’aktar minn 15-il sena Malta qed tissemma ma’ fost ir-rebbieħa u jidher li l-interess huwa kbir.

Minkejja li din il-ġimgħa qamet kontroversja liema bħala fuq l-ilbies roża u mqaċċat ta’ Destiny, jidher li illum il-folja reġgħet daret wara arranġamenti fil-performance u tibdil fl-ilbies. Destiny flimkien maż-żeffiena illum kellhom it-tieni ċans sabiex jgħamlu rehearsal on stage bi preparazzjoni għal nhar it-Tlieta, l-ewwel semi-finali ta’ dan il-festival.

Malta ilha tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest 50 sena, kien propju fl-1971 meta Joe Grech irrappreżenta lil Malta bil-kanzunetta Marija l-Maltija. Tul dawn l-aħħar 50 sena Malta ħadet sehem 32 darba u 25 darba minnhom kienet waslet fil-finali.

L-aħjar riżultat qatt miksub kien permezz ta’ Ira Losco u Chiara fejn it-tnejn fl-2002 u fl-2005 rispettivament spiċċaw fit-tieni post. Mary Spiteri kienet ġiet fit-tielet post fl-1992.

Jekk tirbaħ il-Eurovision Destiny tkun l-iżgħar rebbieħa tal-Eurovision? Din is-sena il-Griega Stefania u Destiny huma l-iżgħar żewġ parteċipanti. It-tnejn għandhom 18 –il sena; Destiny tagħlaq sninha f’Awwissu filwaqt li Stefania tgħalaq sninha f’Diċembru.

Anke jekk tirbaħ, Destiny mhux ser tkun l-iżgħar kantanta li qatt rebħet dan il-festival. Il-Belġjana Sandra Kim, fl-1986 kienet rebħet il-festival fl-eta’ ta’ 13-il sena dakinhar bil-kanżunetta J’aime la Vie. Dan ir-rekord qatt mhu ser jerġa’ jintlaħaq hekk kif minn dak iż-żmien inbidlu r-regolamenti u llum irrid ikollok 16-il sena sabiex tipparteċipa f’dan il-festival.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com