Jirritorna L-International Spring Orchestra Festival
L-International Spring Orchestra Festival jirritorna għall-15-il edizzjoni tiegħu, bit-titlu Deġenerati. Dan il-festival ser ikun qiegħed jittella’ bejn il-15 u d-19 ta’ Ġunju taħt id-direzzjoni artistika tal-kompożitur Karl Fiorini.
Ispirat minn mużika pprojbita mill-awtoritajiet Nażisti bejn l-1933 u l-1945 u mlaqqma deġenerata, dan il-festival se jippreżenta seba’ kunċerti fuq ħamest ijiem f’diversi postijiet, prinċipalment fil-Belt Valletta.
Artisti internazzjonali minn madwar l-Ewropa ser jieħdu sehem f’dan il-Festival u flimkien mal-artisti Maltin se joħolqu mużika tal-ogħla kalibru.
Il-Festival ser jiftaħ fil-15 ta’ Ġunju fid-9:00pm b’kunċert mill-grupp Brikkuni, fit-Teatru Metanoia f’Ħal Luqa.
Fit-tieni ġurnata, il-kwartett Ungeriż Somogyi se jagħti kunċert fis-Soċjetà Maltija tal-Arti (MSA) fit-8:00pm.
Fis-17 ta’ Ġunju fin-12.30pm, l-MSA se tospita kunċert mill-vjolinista Annabelle Berthomé-Reynolds u l-pjanista Luka Okros.
L-għada, id-dwett Pollakk Emilia Wiśniewska u Julia Miller se jdoqqu mużika ta’ Milhaud, Lutoslawski, Prokofiev, Stravinsky u Mendelssohn fin-12:30pm, filwaqt li filgħaxija, il-vjolinċellista Sebastian Hurtaud u l-pjanista Pamela Hurtado ser jeżegwu xogħlijiet ta’ Mendelssohn, Bartok, Hindemith u Milhaud.
Fid-19 ta’ Ġunju imbagħad jingħalaq is-siparju tal-Festival, b’opra f’att wieħed ta’ Victor Ullmann, The Emperor of Atlantis, ibbażata fuq librett ta’ Peter Kien. Ta’ min jgħid li Ullmann u Kien ħadmu fuq din l-opra waqt li t-tnejn kienu internati fil-kamp tal-konċentrament Nażista f’Theresienstadt.
The Emperor of Atlantis hija kollaborazzjoni bejn l-International Spring Orchestra Festival u l-Valletta Cultural Agency, u se tkun imtellgħa fil-Pro-Katidral ta’ San Pawl, il-Belt Valletta.
Minkejja li l-pandemija sfrattat ħafna pjanijiet u spettakli artistiċi u kulturali minflok ġiet kanċellata, l-edizzjoni ta’ dan il-Festival ta’ din is-sena ġiet posposta għal Ġunju.
Wieħed jinnota li qegħdin jittieħdu prekawzjonijiet stretti biex il-wirjiet ikunu sikuri u divertenti għall-artisti, kif ukoll għall-udjenzi.
Għal aġġornamenti dwar dan il-Festival u biex tibbukkja l-biljetti, żur www.teatrumanoel.org.mt, ċempel fuq 2124 6389 jew inkella ibgħat email fuq [email protected]. Il-biljetti jridu jkunu bbukkjati minn qabel u ma jistgħux jinxtraw dakinhar minn ħdejn il-bieb.
Dan il-Festival hu appoġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura.
Ritratt: Pierre-Gondard
Ritratt Prinċipali: Benjamin Ealovega