Juventus u Liverpool Jagħmluha Għal UEFA Champions League
Hekk kif ilbieraħ intlagħbu l-aħħar ġranet tal-Kampjonati domestiċi, bosta segwew b’interess dak li kien qed jiġri fil-Kampjonat Premier Ingliż u fis-Serie A hekk kif l-ewwel erba postijiet baqaw indeċiżi sal-aħħar.
Fl-Ingilterra kien hemm dwell interessanti bejn Liverpool u Leicester b’dawn tal-aħħar ma’ jirnexxilhomx jidħlu mal-ewwel erba u għalhekk tilfu ċ-ċans li staġun ieħor jilgħabu fil-UEFA Champions League. Liverpool f’darhom rebħu 2 – 0 kontra Crystal Palace b’doppjetta ta’ Sadio Mane biex b’hekk għal staġun ieħor r-reds ser jerġaw jilgħabu fl-akbar kompetizzjoni ewropeja. Min naħa l-oħra Leicester City, rebbieħa tal-FA Cup, ġew megħluba f’darhom minn Tottenham 4 – 2 biex b’hekk issa ser jilgħabu fil-UEFA Ewropa League staġun ieħor.
Għalhekk Man. City, Man. Utd, Liverpool u Chelsea ser jilgħabu fil-UEFA Champions League, Leicester City u West Ham United fil-UEFA Ewropa League filwaqt li Tottenham Hotspur ser jilgħabu fil-UEFA Conference League.
Fl-Italja t-taqtiegħa kienet tinvolvi tlett timijiet – Milan, Juventus u Napoli. Milan għelbu lill-Atalanta 2 – 0 barra minn darhom, Juventus għamlu lis-stess kontra Bologna, 4 – 1, b’Napoli jiġu miżmuma f’draw ta’ 1 – 1 f’darhom minn Hellas Verona biex tilfu ċ-ċans li jispiċċaw mal-ewwel erba u għalhekk jikkwalifikaw għal UEFA Champions League staġun ieħor.
Żewġ penalties ta’ Franck Kessie kienu biżżejjed biex Milan jieħdu l-massimu tal-punti u jispiċċaw il-Kampjonat fit-tieni post b’total ta’ 79 punt. Anke Juventus kienu determinati li jieħdu l-massimu tal-punti hekk kif sal-ewwel 47 minuta kienu diġa skurjaw erba gowls permezz ta’ Chiesa, Morata darbtejn u Rabiot. F’xi mumenti Napoli dehru li ser jagħmluha hekk kif Rrahmani poġġihom fil-vantaġġ, vantaġġ li dam biss disa minuti.
Għalhekk Inter, Milan, Atalanta u Juventus ser jilgħabu fil-UEFA Champions League, Napoli u Lazio fil-UEFA Ewropa League filwaqt li Roma ser jilgħabu fil-UEFA Conference League.
Ritratti: The Liverpool Offside / La Pelotita