L-Apprezzament Lejn Postijiet Storiċi F’Pajjiżna

 L-Apprezzament Lejn Postijiet Storiċi F’Pajjiżna

Il-President ta’ Malta George Vella, waqt żjara fit-Torri l-Aħmar, flimkien mas-Sinjura Vella tkellem dwar is-sens ta’ kburija li għandu jkollna bħala poplu għal postijiet storiċi, kulturali u ta’ natura strateġika li għandna f’pajjiżna. Wieħed minn dawn il-postijiet huwa propju t-Torri ta’ Sant’Agata magħruf bħala t-Torri l-Aħmar.

Il-President tkellem fuq l-importanza li dawn it-teżori jiġu indukrati u preżervati kif tassew jixraqilhom.

Dawn il-postijiet jiġbdu lejhom ukoll ammont sabiħ ta’ turisti li jżuru gżiritna sabiex jammiraw il-wirt storiku u kulturali li pajjiżna huwa mżewwaq bih. 

Il-President esprima l-fehma tiegħu li bħala pajjiż għad irridu nedukaw ruħna dejjem aktar dwar strutturi bħalma huwa t-Torri l-Aħmar. Fost l-oħrajn, spjega li dan jista’ jsir permezz ta’ kampanji intensivi lokali, fl-iskejjel, fil-kunsilli lokali u aktar sabiex iċ-ċittadin Malti stess jiskopri dawn il-postijiet u japprezza aktar il-valur tagħhom. Il-President tenna li l-ewwel irid ikun il-poplu Malti stess li japprezza u jibża’ għal postijiet ta’ din ix-xorta biex verament jingħaraf dejjem aktar il-valur tagħhom anke mit-turisti li jżuru pajjiżna.

Il-President radd ħajr lil Din l-Art Ħelwa għax-xogħol li twettaq u għall-għarfien li rnexxielha toħloq tul is-snin, u stqarr l-impenn tiegħu li jibqa’ jisħaq fuq il-ħarsien tal-ambjent naturali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com