L-Awtorità Tad-Djar B’Servizz Mingħajr Ħlas Dwar Il-Kirjiet Antiki

 L-Awtorità Tad-Djar B’Servizz Mingħajr Ħlas Dwar Il-Kirjiet Antiki

Dipartiment ġdid fl-Awtorità tad-Djar se joffri assistenza u servizz professjonali mingħajr ħlas lil kull min jintlaqat minn proċeduri marbuta mal-kirjiet residenzjali ta’ qabel l-1995. Is-servizz jinkludi koordinazzjoni kompleta, pariri u assistenza legali lil kull min jeħtieġ.

Il-liġijiet il-ġodda li se jirregolaw kirjiet residenzjali kontrollati se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju li ġej, hekk kif din il-ġimgħa ġew approvati b’mod unanimu mill-Parlament.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan id-Dipartiment sostna li “[d]an huwa l-ewwel pass prattiku fit-twettiq tal-akbar riforma soċjali f’pajjiżna”.

Il-Ministru Galdes spjega kif dawn il-liġijiet il-ġodda huma pass storiku għax iġibu bilanċ li jagħti protezzjoni lil min jeħtieġ u bis-saħħa ta’ benefiċċju b’saħħtu jassiguraw dħul xieraq lis-sidien. Flimkien mal-protezzjoni u mal-benefiċċju, huma l-assistenza u l-attenzjoni f’dan is-servizz tal-Awtorità li jagħmlu din ir-riforma soċjali importanti.

Il-Ministru Galdes enfasizza li “[q]ed immissu mad-dar tal-familja għalhekk jeħtieġ li nkunu sensittivi”. Għaldaqstant, il-ħaddiema tal-Awtorità tad-Djar li se jkunu qed jagħtu s-servizz qegħdin jitħarrġu minn professjonisti tas-saħħa mentali biex is-servizz ikun sensittiv u adekwat.

L-Awtorità tad-Djar ilha li bdiet tagħti l-informazzjoni kollha neċessarja b’rabta mar-riforma tal-kirjiet kontrollati. Infatti, minn meta tħabbret ir-riforma fi Frar li għadda diġà twieġbu aktar minn 4,000 telefonata fuq il-Freephone 153.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay qal li permezz ta’ dan id-dipartiment ġdid l-Awtorità qed tkun viċin in-nies waqt li tagħmel riforma oħra suċċess. L-Awtorità tad-Djar qed terfa’ din ir-responsabbiltà ġdida, hekk kif mis-sena 2020 hija saret ir-regolatur tas-suq tal-kera residenzjali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com