Live-In Tal-Kappillani Fuq Il-Preżenza Diġitali Tal-Parroċċi

 Live-In Tal-Kappillani Fuq Il-Preżenza Diġitali Tal-Parroċċi

Waqt il-live-in tal-kappillani li jsir ta’ kull sena, din is-sena ġiet diskussa l-preżenza onlajn tal-parroċċi u l-potenzjal li toffri l-midja soċjali. Dan ġie organizzat mill-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani flimkien mal-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta bejn it-18 u l-20 ta’ Mejju 2021. 

B’għajnuna ta’ professjonisti fil-qasam tal-midja, is-70 kappillan tal-Arċidjoċesi ta’ Malta esploraw inizjattivi li jistgħu jittieħdu sabiex il-messaġġ tal-Knisja jilħaq iktar nies fuq il-midja soċjali, inkluż iż-żgħażagħ. It-tema tal-live-in kienet ‘Knisja li Tisma’, Knisja li Toħroġ’, marbuta mad-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali tal-arċidjoċesi ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’. 

Minħabba l-pandemija numru ta’ kappillani pparteċipaw fil-laqgħat b’mod virtwali. 

L-Arċisqof Charles Scicluna spjega li waħda mill-missjonijiet li għandu kappillan hi li jsir jaf il-persuni li jgħixu fil-komunità tiegħu. Għalhekk stieden lill-kappillani sabiex jagħrfu t-talenti li għandhom fil-parroċċa u b’hekk jgħinu lill-Knisja tkompli twassal il-messaġġ tagħha fuq il-mezzi soċjali b’lingwaċċ adattat għaż-żminijiet tal-lum.

Għal dan il-live-in kienu wkoll mistiedna żgħażagħ attivi fil-parroċċi u gruppi Nsara li tkellmu dwar kif matul il-pandemija użaw il-midja soċjali sabiex iwasslu l-messaġġ Nisrani b’mod kreattiv. 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com