Melita 5G Mal-Pajjiż Kollu

 Melita 5G Mal-Pajjiż Kollu

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri nieda l-Melita Nationwide 5G madwar Malta; servizz li jfisser li l-klijenti kollha tal-Melita li għandhom il-pjan Mobile Endless Mobile jew pjan ġdid tal-mobile Business 5G u apparat attivat 5G, issa jistgħu jikkonnettjaw mal-5G.

Il-Ministru Schembri tkellem kif dan il-mument huwa wieħed mill-aktar importanti fl-istorja tat-telekomunikazzjonijiet ta’ pajjiżna. Sostna li “[h]ekk kif Malta issa tkompli bl-irkupru ekonomiku tagħha, it-tnedija tal-5G tal-Melita waqt dan il-perjodu jkompli jnissel fiduċja waqt li nħarsu lejn futur isbaħ.”

Il-kumpanija Melita hija l-ewwel kumpanija li nediet f’Malta l-kopertura 5G mal-pajjiż kollu. Wieħed jinnota kif il-5G ser jipprovdi konnettività sa għaxar darbiet aktar mgħaġġla.

Il-Ministru Schembri tenna li “[b]ħala gvern se nibqgħu impenjati li nistabbilixxu lil Malta bħala pajjiż minn ta’ quddiem nett f’teknoloġiji u f’servizzi innovattivi”.

Il-Ministru Schembri qal li f’konformità mal-gwida kostanti pprovduta mill-istituzzjonijiet Ewropej, din it-teknoloġija se ġġib bidliet negliġibbli fil-livelli ta’ emissjonijiet meta mqabbla ma’ networks eżistenti, livelli li huma negliġibbli skont il-linji gwida stabbiliti mill-ICNIRP, l-organizzazzjoni internazzjonali rikonoxxuta formalment mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Il-Ministru rrimarka ukoll kif l-“MCA ilha taħdem bla heda biex tipprepara l-qafas regolatorju tagħha għall-introduzzjoni ta’ servizzi state-of-the art bħall-5G”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Melita, Harald Roesch qal li “llum hija ġurnata importanti mhux biss għal Melita iżda wkoll għal Malta peress li din ser issir wieħed mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li għandhom kopertura nazzjonali tal-5G.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com