‘Nibnu Fuq It-Tajjeb Flok Nippromwovu Sustanza Ta’ Ħsara’ – MCYN

 ‘Nibnu Fuq It-Tajjeb Flok Nippromwovu Sustanza Ta’ Ħsara’ – MCYN

Il-Malta Catholic Youth Network (MCYN), entità tal-Arċidjoċesi ta’ Malta li taħdem maż-żgħażagħ, ippublikat dokument ta’ pożizzjoni bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Gvern għall-White Paper “Lejn it-Tisħiħ tal-Qafas Legali għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis”.

L-MCYN, tirrappreżenta ’l fuq min 100 għaqda taż-żgħażagħ u matul is-snin appoġġjat bis-sħiħ attivitajiet rikreattivi li jgħinu l-iżvilupp taż-żgħażagħ u l-bini tal-komunità. Saħqet li hija kontra l-użu ta’ sustanzi psikoattiva u/jew ta’ ħsara, legali jew illegali. Il-preokkupazzjoni primarja hi li tista’ twassal għan-normalizzazzjoni u l-popolarizzazzjoni tal-użu tal-kannabis fost l-adolexxenti u ż-żgħażagħ li jistgħu jiġu mqarrqa billi jemmnu li l-użu tal-kannabis m’għandux effetti ħżiena.

L-MCYN tgħid li l-White Paper ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn il-benefiċċji u l-perikli tal-kannabis rikreattiva u dik mediċinali billi titkellem dwarhom daqslikieku l-benefiċċji u l-perikli huma ndaqs.

L-MCYN taqbel mad-dekriminalizzazzjoni fejn jidħol użu personali minn adulti biex dawk dipendenti mis-sustanza ma jingħatawx sentenza ta’ ħabs iżda l-opportunità li jfittxu l-għajnuna minn riskju ta’ vizzju. Fl-istess waqt tisħaq dwar kampanja edukattiva li tgħallem il-miżuri preventivi biex wieħed iżomm ‘il bogħod minn sustanzi simili.

Tgħid li l-leġiżlazzjoni għandha tagħmel dispożizzjonijiet li mhux biss jissalvagwardjaw il-minuri u jnaqqsu l-użu tal-kannabis fost il-minuri, iżda wkoll jipproteġu u jappoġġjaw adulti li għandhom riskju ogħla li ssirilhom il-ħsara. Dan b’mod partikolari meta jitqies li l-istudji xjentifiċi juru li l-użu tal-kannabis minn żgħażagħ taħt l-età ta’ 21 sa 25 iżid ir-riskji tal-effetti ta’ ħsara ta’ din is-sustanza.

Id-dokument ta’ pożizzjoni hu aċċessibbli fuq: mcyn.org/articles/position-paper-regarding-the-white-paper-on-cannabis-mcyn   

Ritratt: Psychiatry Advisor

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com