RITRATTI ĠEWWA – Sponsor Ġdid Fuq Il-Flokkijiet Tat-Timijiet Nazzjonali
It-Timijiet Nazzjonali għandhom sponsor ġdid hekk kif l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu permezz ta’ Visit Malta se tibda tidher b’mod prominenti wara l-iffirmar ta’ ftehim li l-istess Awtorita ffirmat mal-Malta Football Association.
Kemm il-Malta FA kif ukoll l-MTA esprimew sodisfazzjon b’dan il-ftehim li minnu l-MFA se tgawdi finanzjarjament biex ikompli jittejjeb il-livell tat-Timijiet Nazzjonali, fl-istess ħin viżibilta mill-aqwa għat-turiżmu lejn Malta u l-iskop propju tal-MTA u l-kampanja VisitMalta li permezz ta’ sħubija bħal din tikseb aktar viżibilta permezz tast-Timijiet Nazzjonali li jkunu qed iduru mal-Ewropa jirrapreżentaw lil pajjiżna.
Din is-sħubija għandha tifsira speċjali peress li tressaq flimkien żewġ organizzazzjonijiet, li huma magħqudin bl-impenn u l-passjoni tagħhom, li jirrappreżentaw lil Malta fuq livell internazzjonali bl-aħjar mod possibbli.
It-timijiet nazzjonali tagħna jġorru l-bandiera Maltija fil-futbol internazzjonali li huwa segwit minn mijiet ta’ miljuni ta’ dilettanti minn madwar id-dinja kollha.
Dan il-ftehim mal-MTA jsaħħaħ din ir-rabta mas-slogan bħal UnitedForMalta, hekk kif it-timijiet nazzjonali tagħna issa se jsiru ambaxxaturi uffiċjali tal-kampanja Visit Malta, biex tkompli jesponi lil Malta bħala destinazzjoni turistika.
Dan l-iffirmar ta’ ftehim ġie presedut mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clifton Grima u ġie ffirmat mill-President Bjorn Vassallo u t-Teżorier Ivan Mizzi f’isem l-MFA, Ronald Mizzi Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu u ċ-Chairman tal-MTA Gavin Gulia.