Ser Nibqgħu Naraw Il-Qabru F’Pajjiżna?
Hekk kif ilbieraħ madwar id-dinja tfakkret l-ġurnata tal-ispeċi f’riskju li jiġu estinti u llum hija l-ġurnata ddedikata lil bijodiversità, ikun għaqli li niftakru li l-qabru qiegħed f’riskju li jiġi estint jekk ma jsir xejn f’dan ir-rigward.
Il-qabru; l-granċ Malti tal-ilma ħelu huwa wieħed mill-ispeċi li qegħdin inaqqsu fin-numru b’rata mgħaġġla f’pajjiżna. Bis-saħħa ta’ studju li sar b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-Università ta’ Malta, għall-ewwel darba ġie studjat kemm għad fadal speċi ta’ qabru f’pajjiżna.
It-tim li wettaq ir-riċerka kien immexxi mill-Professur Adriana Vella u sab li l-qabru huwa viċin li jiġi estint f’pajjiżna jekk il-protezzjoni u l-immaniġjar ma jsirux b’mod strett u urġenti.
Tkun verament ħasra jekk il-qabru, li hu ukoll wieħed mill-ħames speċi nazzjonali, ma nibqgħux narawh f’pajjiżna.
Ritratt: Professur Adriana Vella