Skema Ta’ €190,000 F’Għawdex Għall-Restawr Jew Riġenerar Ta’ Postijiet U Swali
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri ħabbar l-għaqdiet volontarji u kumpaniji li ser ikunu qegħdin jibbenefikaw mill-iskema magħrufa bħala MICE li tnediet għall-ewwel darba s-sena l-oħra.
B’din l-iskema finanzjarja għaqdiet volontarji u kumpaniji ħadu fondi sabiex iwettqu xogħlijiet ta’ restawr jew riġenerar fuq postijiet u swali li fihom ikunu jistgħu jorganizzaw diversi laqgħat, joħolqu inċentivi, konferenzi u esebizzjonijiet internazzjonali (MICE). Dawn is-swali jridu jkunu jilqgħu fihom minn tal-inqas 150 persuna bilqiegħda.
Il-Ministru Camilleri qal li dawn il-proġetti ser ikollhom nefqa totali ta’ madwar €380,000, u l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed ikopri 50% ta’ dan l-investiment, jiġifieri €190,000.
Is-sitt proġetti li qegħdin jibbenefikaw mill-ko-finanzjament tal-Ministeru huma: Kempinski Hotel San Lawrenz, Nadur Teen & Youth Centre, Gozo Conference & Expo Centre tas-Soċjetà Filarmonika Leone, Giuseppe Giardini Hall Teatru Astra tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Palazzo Ċelio tal-Għaqda Mużikali San Girgor Kercem u s-sala tal-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Żebbuġ.
Il-Ministru Camilleri nnota kif permezz ta’ din l-iskema f’Għawdex se tkun qiegħda tinħoloq niċċa ekonomika oħra, li mistennija tattira lejha aktar turiżmu ta’ kwalità. Spjega kif “ħafna jirreferu għal-MICE bħala dak li huwa meqjus business travel u għalhekk hemm konnotazzjonijiet b’saħħithom mas-settur tal-konferenzi. Minkejja dan, il-MICE huwa kunċett li jista’ jintrabat ma’ niċeċ turistiċi oħrajn fih, bħal dak tar-turiżmu reliġjuż, u esebizzjonijiet artistiċi u kuturali fost l-oħrajn.”
Id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Ronald Sultana qal li wara li għalaq il-perjodu tal-eliġibbiltà tal-iskema, l-applikazzjonijiet sottomessi ġew evalwati skont il-kriterji tal-linja gwida.
Il-Ministru Camilleri ħeġġeġ operaturi oħrajn interessati sabiex japplikaw għal din l-iskema li hija miftuħa wkoll din is-sena.
Ritratti: MGOZ