“Stenna Li Mhux Tistenna” – Kanzunetta B’Dedikazzjoni Għal Ramiro
Il-Grupp Kapitlu Tlettax b’kollaborazzjoni ma’ Janice Mangion, niedew kanzunetta oriġinali; “Stenna Li Mhux Tistenna”, kanzunetta b’vidjo mużikali b’dedikazzjoni għaż-żagħżugħ Ramiro Mallia li tilef ħajtu ftit tax-xhur ilu f’aċċident traġiku. Il-lirika ta’ din il-kanżunetta hija miktuba minn Joseph Calleja, filwaqt li l-kompożizzjoni hija ta’ Dwardu Ravelle.
Joseph, l-awtur u l-protagonist ewlieni tal-grupp Kapitlu Tlettax, tkellem kif ma setgħax jitlef iċ-ċans sabiex jikteb “dwar anġlu, persuna li tħares lejn l-interessi ta’ ħaddieħor qabel tagħha”.
Il-grupp Kapitlu Tlettax huwa kompost minn Joseph Calleja, Dwardu Ravelle, Maria Cini u Digby. Din il-kanzunetta qegħda ssir b’kollaborazzjoni mal-kantanta Janice Mangion, li mill-ewwel aċċettat sabiex tkun parti minn dan il-proġett; “nemmen li l-messaġġ wara “Stenna Li Mhux Tistenna” huwa wieħed inkreddibli. Ramiro kien persuna uniku ta’ vera, u l-memorja tiegħu tajjeb li nżommuha ħajja.”
“Stenna Li Mhux Tistenna” għandha produzzjoni ta’ Rikki Lee minn Gilkicker Music, bi promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.