Bil-Fondi Ewropej Investejna Fin-Nies – Stefan Zrinzo Azzopardi

 Bil-Fondi Ewropej Investejna Fin-Nies – Stefan Zrinzo Azzopardi

Konferenza stampa tal-proġett VASTE.

Meta wieħed iħares lejn l-erba’ snin li għaddew ta’ din it-tieni leġislatura tal-Gvern Laburista malajr jinduna kemm kienu snin li fihom sar ħafna xogħol. Kienu erba’ snin ta’ riformi u investiment fin-nies. Bqajna għaddejjin bil-ħidma tagħna minkejja l-pandemija li ħakmet lid-dinja, mhux inqas lil pajjiżna.

L-investiment fin-nies permezz tal-Fondi Ewropej li kienu allokati għal Malta għas-seba’ snin 2014-2020 komplew jingħataw spinta fl-erba’ snin li għaddew. Bosta proġetti li kienu fl-istadju inizjali tagħhom fl-ewwel leġislatura Laburista wara l-2013, ingħataw spinta ‘l quddiem fl-aħħar erba’ snin. Proġetti mis-settur privat mgħejjuna minn Fondi Ewropej bdew isiru realta filwaqt li mal-pajjiż kollu rajna jitwettqu proġetti infrastrutturali kbar li tejbu l-aċċess fl-arterji ewlenin tal-pajjiż.

F-aħħar erba’ snin investejna €90 miljun fit-titjib tal-kwalita u l-provista tal-ilma filwaqt li mill-fondi allokati għal Malta ġew iddedikati €60 miljun biex inħarsu l-wirt kulturali u naturali tal-Gżejjer Maltin bil-għan li nkomplu ntejbu l-prodott turistiku.

Komplejna bl-għajnuna għas-settur tal-biedja b’allokazzjoni ta’ aktar minn €43 miljun għas-settur agrikolu ħalli fost affarijiet oħra tejjibna l-aċċess għall-irziezet tagħhom. Irranġajna l-aċċess tal-bdiewa għall-ilma tant meħtieġ għat-tisqija tal-prodotti tagħhom. Fondi oħra ntużaw biex inħajru bdiewa żgħażagħ jidħlu f’dan is-settur.

Fil-qasam tax-xoghol investejna fin-nies permezz ta’ programmi kbar u vasti ta’ taħriġ għal żgħażagħ li kellhom diffikulta jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Għinna lil mijiet ta’ ħaddiema li setgħu sfaw bla xogħol u li kien diffiċli għalihom li jerġgħu isibu impjieg. Użajna wkoll fondi Ewropej biex żgħażagħ ikomplu jistudjaw wara s-16-il sena għax ikunu weħlu minn xi eżami tas-Sec, għennihom jiksbu ċ-ċertifikati meħtieġa biex ikomplu jistudjaw.

Is-settur tal-Fondi Ewropej huwa wieħed biss minn bosta li fihom, Gvern Laburista investiment direttament fin-nies fl-aħħar erba’ snin. Fuq kollox, investejna fin-nies meta lill-poplu Malti u Għawdxi ma xxaħħaħniex miegħu u nfaqna dak kollu li kien hemm bżonn biex inħarsulu saħħtu. Użajna miljuni ta’ Ewro, anke minn Fondi Ewropej, biex mhux biss tajna l-aqwa servizz tas-saħħa f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija, imma anke biex salvajna l-impjiegi ta’ eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin li l-impjieg tagħhom kien mhedded minħabba l-pandemija.

Ħadna ħsieb dan kollu waqt li bqajna għaddejjin b’riformi kbar li komplew jagħmlu lil pajjiżna, pajjiż aktar modern. Anke meta l-amministrazzjoni tal-pajjiż ġiet imġedda bil-ħatra tal-Prim Ministru Robert Abela u l-gvern ġdid f’Jannar 2020, ir-riformi baqgħu għaddejjin anzi ingħataw spinta dawk l-oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-ġudikatura u s-sistema finanzjarja tal-pajjiż.

Bla dubju, f’għeluq ir-raba’ sena ta’ din it-tieni leġislatura Laburista, għandna tassew għax inkunu kburin li kellna Gvern għan-nies, Gvern li investa fin-nies.

Benefiċjarja tal-proġett VASTE.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com