€5 Miljun Sabiex Atleti Maltin Iħejju Ruħhom Għal-Logħob Tal-Pajjiżi Ż-Żgħar
Ħames miljun ewro se jgħaddu mill-National Development and Social Fund (NDSF) għal Sport Malta sabiex il-Kumitat Olimpiku Malti jkun jista’ jinvesti f’atleti Maltin bi preparazzjoni għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna. Hekk kif Malta se tospita l-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa għat-tielet darba, fit-2023. Għaxar dixxiplini sportivi se jgawdu minn din l-għotja finanzjarja; atletika, basketball, ġudo, rugby, ibburdjar, sparar, squash, għawm, table tennis u tennis.
Il-ftehim biex jgħaddu dawn il-fondi ġie ffirmat ilbieraħ miċ-chairman ta’ Sport Malta Luciano Busuttil u l-Kap Eżekuttiv tal-NDSF Raymond Ellul, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-ċittadinanza, Alex Muscat, qal li għal darb’oħra, pajjiżna għandu turija ċara ta’ kif il-ġid iġġenerat mill-inizjattivi Maltin ta’ residenza u ċittadinanza qed jissarfu f’ġid li qed jasal fil-komunità. Filwaqt li awgura lill-atleti, sostna l-impenn tas-segretarjat li jibqa’ jattira lejn Malta l-investiment dirett barrani li qed jissarraf f’tant benefiċċji għat-talent Malti.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li Sport Malta diġà investiet f’faċilitajiet ġodda mxerdin madwar pajjiżna u dan l-investiment finanzjarju, li se jservi bħala spinta u preparazzjoni għall-atleti Maltin qabel il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta fis-sena 2023, ikompli jikkonferma kemm il-Gvern huwa ta’ spalla għall-atleti u l-organizzazzjonijiet sportivi u li l-aspirazzjonijiet ta’ tant atleti se jkunu jistgħu jintlaħqu.
Il-Kumitat Olimpliku Malti, permezz ta’ dawn il-fondi, ikun jista’ jassisti assoċjazzjonijiet sportivi finanzjarjament, biex fost oħrajn jimpjegaw coaches professjonali fuq bażi full-time flimkien mal-kumplament tal-istaff tekniku neċessarju, jiffinanzjaw il-parteċipazzjoni ta’ atleti Maltin f’kompetizzjonijiet u sessjonijiet ta’ taħriġ barra mill-pajjiż, u jinvestu f’għodda teknika aktar adekwata.