‘Strada Stretta Occupy’ By Students: Serje Ta’ Wirjiet

 ‘Strada Stretta Occupy’ By Students: Serje Ta’ Wirjiet

‘Strada Stretta Occupy’ by Students huwa t-titlu ta’ serje ta’ wirjiet f’żewġ partijiet li se jittellgħu matul dan ix-xahar u x-xahar li ġej f’pajjiżna. 

Bħala parti mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, The Strada Stretta Concept qed jikkollabora mad-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta u s-Società Dante Alighieri għal dawn il-wirjiet.

L-ewwel parti tal-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku mill-21 sat-28 ta’ Ġunju 2021 u se ssir fi Splendid, filwaqt li t-tieni parti se tkun mit-2 sat-22 ta’ Lulju 2021, fi Splendid kif ukoll fis-Società Dante Alighieri. ‘Strada Stretta Occupy’ tifforma parti mill-programm The Strada Stretta Concept taħt id-direzzjoni artistika ta’ Giuseppe Schembri Bonaci.

Il-wirja ta’ Ġunju hija kollaborazzjoni bejn l-istudenti tal-Fine Arts tat-tieni u t-tielet sena mid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tkun tikkonsisti f’xogħlijiet li jiffukaw fuq diversi approċċi metodoloġiċi tal-pittura li tematikament jiċċentraw madwar id-Divina Commedia ta’ Dante biex ifakkru s-700 anniversarju mill-mewt ta’ Dante.

Min-naħa l-oħra, il-wirja ta’ Lulju se turi l-proġetti tat-teżi mill-istudenti tal-Fine Arts tal-aħħar sena mid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta. L-istudenti kienu qed jirriċerkaw temi individwali li jimpenjaw ruħhom ma’ suġġetti ta’ rilevanza kontemporanja. Wieħed jinnota ukoll li l-wirja se tkun ikkurata mill-istudenti nfushom, u tagħtihom l-opportunità li jippreżentaw ix-xogħol tagħhom lill-pubbliku u jimpenjaw ruħhom max-xena artistika lokali.

Id-dħul għal dawn il-wirjiet artistiċi huwa mingħajr ħlas. Il-viżitaturi għandhom jilbsu maskra u jżommu d-distanza soċjali. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġni ta’ Facebook ta’ The Strada Stretta Concept u tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com