Erba’ Maġistrati Ġodda Jieħdu L-Ġurament Tal-Ħatra

 Erba’ Maġistrati Ġodda Jieħdu L-Ġurament Tal-Ħatra

Fil-Palazz ta’ Sant’Anton ħadu l-ġurament tal-ħatra l-Maġistrati ġodda Elaine Mercieca, Leonard Caruana, Noel Bartolo u Lara Lanfranco.

F’diskors tal-okkażjoni, il-President George Vella feraħ lill-maġistrati l-ġodda għal din il-ħatra u fisser li b’din iċ-ċerimonja, qegħdin ukoll insaħħu l-pedamenti tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, li hija l-ogħla garanzija ta’ ġustizzja għal kull wieħed u waħda miċ-ċittadini Maltin.

Il-President saħaq fuq it-tliet kwalitajiet li stqarr li hu u l-poplu Maltin ser ikun qed jistenna li jara fil-maġistrati l-ġodda: responsabbiltà, professjonalità u imparzjalità.

Huwa qal li m’għandu jkun hemm l-ebda twemmin, razza, kulur, wiċċ jew preferenza li jistgħu jinfluwenzaw deċiżjonijiet jew sentenzi mogħtija mill-maġistrati nfushom.

Appella biex iżommu quddiem għajnejhom li l-imġiba tagħhom hija fl-aħħar mill-aħħar eżempju ta’ korrettezza u integrità li għandhom imexxu l-għemil tagħhom fil-qrati u fil-komunità.

Fuq kollox ħeġġiġhom iżommu f’moħħhom li kull min ifittex il-ħaqq, jistenna dan mingħajr dewmien żejjed.

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, l-Avukat tal-Istat Chris Soler u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com