Flimkien Għal Pajjiżna… Nagħtu D-Demm! – Maratona Ta’ Kollegamenti Fuq One Radio
Hekk kif ftit tal-jiem oħra nassistu għall-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, One Radio li jemmen bis-sħiħ f’din il-kawża nazzjonali, ħass li għal darb’oħra jagħti l-parti tiegħu sabiex iħeġġeġ lil pubbliku jagħti d-demm. Għaldaqstant illum, fil-Festa Pubblika tas-Sette Giugno qiegħda ssir maratona ta’ kollegamenti fuq One Radio maċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa, bit-tema Flimkien għal Pajjiżna… Nagħtu d-Demm!
Wieħed jinnota kif minkejja li f’Malta hawn sistema ta’ saħħa mill-aqwa u bla ħlas, id-demm huwa dejjem bżonnjuż sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-poplu tagħna.
Huwa importanti li dawk li se jersqu biex jagħtu d-demm jippreżentaw il-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew il-passaport Malti. Dawk li qed jistennew biex jagħmlu s-swab test jew jistennew ir-riżultat tiegħu ma jistgħux jagħtu demm sakemm joħroġ riżultat negattiv għal COVID-19. Min ikun ġie ttestjat pożittiv għall-COVID-19 jista’ jagħti d-demm 4 ġimgħat minn wara li jkunu għaddewlu l-aħħar sintomi. Min jagħti d-demm irid iħalli 7 ijiem jgħaddu qabel jersaq biex jieħu t-tilqima COVID-19, filwaqt li min jieħu t-tilqima tal-COVID-19 irid iħalli 48 siegħa qabel jagħti d-demm u min ikollu deni, jew sintomi t’influwenza, irid iħalli 7 ijiem.
Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.blood.gov.mt u f’każ ta’ diffikultà jista’ jagħmel kuntatt fuq 79307307 jew 80074313.
Wieħed jinnota li bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Dr. George Vella, Ministeri, L-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Kunsilli Reġjonali u Lokali, entitajiiet privati u oħrajn, għadd ta’ binjiet strateġiċi qegħdin jibdew jiġu mixgħula bl-aħmar sa’ ma l-kampanja tilħaq il-qofol tagħha nhar it-Tnejn 14 ta’ Ġunju.
Wieħed huwa mħeġġeġ li jagħti l-isbaħ rigal lil dawk ta’ madwaru; dak tal-għoti tad-demm. Ftakar li bl-għotja tiegħek tista’ isalva l-ħajjiet!