Kun Attent X’Tgħid Lil Uliedek!

 Kun Attent X’Tgħid Lil Uliedek!

Minkejja li dan l-aħħar sirna nisimgħu iktar dwar Parental Alienation, ħafna għadhom jistaqsu din xi tfisser fi kliem sempliċi. Dan jiġri meta wieħed mill-ġenituri jgħawwi lit-tfal kontra l-ġenitur l-ieħor sabiex ibiegħed lit-tfal minn dak il-ġenitur. Ħafna drabi dan jiġri waqt każijiet ta’ separazzjoni jew divorżju. Bla dubju dan l-aġir iħalli mpatt negattiv fuq ir-relazzjoni ta’ bejn it-tfal u l-ġenituri. Dan ma jkunx qiegħed isir fl-interess tat-tfal, u jista’ jħalli effetti psikoloġiċi mhux mixtieqa fuq l-ulied. Ħafna jsostnu li dan huwa forma ta’ abbuż. Sfortunatament, anke f’Malta insibu numru ta’ tfal, kif ukoll ġenituri li huma vittmi ta’ din l-aljenazzjoni.

Il-Gvern ħatar kumitat t’esperti li għandhom jistudjaw, jsolvu każijiet ta’ din it-tip t’aljenazzjoni kif ukoll jirrakkomanda soluzzjonijiet leġiżlattivi. Il-każijiet qegħdin jiżdidu u għalhekk il-Gvern ħass il-ħtieġa li jindirizza din is-sitwazzjoni. F’każijiet bħal dawn toħroġ ukoll l-importanza li l-Qrati tagħna jkunu iktar effiċjenti għaliex jekk digriet mill-Qorti rigward l-aċċess ta’ ġenitur sabiex jara lil uliedu jew digriet fuq il-kustodja tat-tfal idum ix-xhur, dan jista’ jagħti vantaġġ lil dak il-ġenitur li jkun irid iwettaq din l-aljenazzjoni.

F’Malta llum qegħdin ukoll naraw għaqdiet li jresqu ’l quddiem dan is-suġġett sensittiv, iżda li jolqot bosta familji.

Ritratt: The Conversation

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com