Il-Ġapan Jipproponi Li L-Ħaddiema Jaħdmu 4 Ijiem Fil-Ġimgħa

 Il-Ġapan Jipproponi Li L-Ħaddiema Jaħdmu 4 Ijiem Fil-Ġimgħa

Il-pajjiż tal-Ġapan qiegħed iħeġġeġ lill-ħaddiema tiegħu sabiex jibdew jaħdmu erbat ijiem fil-ġimgħa. Kien propju fl-istess pajjiż li madwar l-1970, żviluppa t-terminu ‘karoshi’, li jfisser li wieħed imut minħabba numru twil ta’ siegħat ta’ xogħol. Dan wara li l-pressjoni kbira li jġarrbu l-ħaddiema mill-post tax-xogħol.

Il-Gvern Ġapuniż fil-snin riċenti beda jipprova jimmodernizza l-mod ta’ kif dan il-pajjiż iħares lejn id-dinja tax-xogħol, billi jinkoraġġixxi bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja soċjali u personali tal-persuna, u jħajjar lill-kumpaniji jipprovdu siegħat flessibbli u xogħol mid-dar lill-ħaddiema tagħhom.

Iż-żmien tal-pandemija donnu li biddel l-istil ta’ ħajja minn diversi fatturi. Bosta ħaddiema kellhom jaħdmu mid-dar minħabba r-restrizzjonijiet. Il-modi ġodda li kellhom joperaw bihom bosta kumpaniji wasslu għal iktar produttività.

Il-gvern Ġapuniż jittama li l-linji gwida li ħareġ sabiex il-ħaddiema jibdew jaħdmu erbat ijiem fil-ġimgħa jwasslu ukoll għal benefiċċji kemm fis-soċjetà Ġappuniża, kif ukoll fl-ekonomija, jekk dawn jiġu adottati mill-kumpaniji fil-pajjiż. Ġurnata nieqsa ta’ xogħol tista’ twassal lill-individwu sabiex jonfoq iktar flus u għaldaqstant tiġi ġġenerata iktar l-ekonomija, filwaqt li tista’ tiżdied ir-rata ta’ żwieġ u ta’ twelid fil-pajjiż.

Jidher li l-Ġapan mhuwiex l-unika pajjiż li qiegħed jikkonsidera numru inqas ta’ ġranet ta’ ħidma fil-ġimgħa, hekk kif dan il-kunċett kien ukoll diskuss fost l-oħrajn fil-Ġermanja u New Zealand.

Intant, il-poplu Malti x’jaħseb dwar dan il-kunċett? Min jaf forsi naraw din il-proposta f’xi manifest elettorali ta’ xi partit politiku f’pajjiżna waqt l-elezzjoni li jmiss!

Ritratt: Shutterstock

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com