Il-Kumpanija Tal-Laħam JBS Tħallas $11 Miljun Wara ‘Ransomware Attack’
Hekk kif ftit tal-jiem ilu sar attakk fuq l-ikbar fornitur tal-laħam u l-kumpanija JBS kellha tgħalaq il-fabriki tagħha fl-Awstralja, l-Istati Uniti u l-Kanada, din il-kumpanija issa kellha tħallas $11 miljun sabiex twaqqaf dan l-attakk. Jidher li l-pagament kien magħmul permezz ta’ Bitcoin. Il-kumpanija tisħaq li dan kien neċessarju sabiex tipproteġi lill-konsumaturi tagħha.
F’dak deskritt bħala ‘ransomware attack’, hackers jidħlu fis-sistema tal-komputer u jheddu li jagħmlu ħerba jew iħassru d-dokumenti jekk ma titħallas ‘ransom’ fil-forma ta’ cryptocurrency. Minkejja li l-kumpanija tammetti li din kienet deċiżjoni iebsa ħafna, għażlu li jħallsu għaliex l-attakk kien meqjus bħala sofistikat u n-nuqqas ta’ produzzjoni tal-kumpanija seta’ jwassal għal nuqqas ta’ provista t’ikel u prezzijiet ogħla.
Il-White House kienet sostniet li hemm probabilità li dan l-attakk ġej minn organizzazzjoni kriminali bbażata fir-Russja.
Ritratt: The Guardian