Il-PN Jemmen Li Pajjiżna Għandu Ħafna X’Joffri Lill-Poplu Libjan
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija jinnota b’mod possitiv l-passi ‘l quddiem li seħħew tul din il-ġimgħa fis-Second Berlin Conference dwar il-Libja.
Dr. Carm Mifsud Bonnici Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ Roselyn Borg Knight Segretarju Internazzjonali jilqgħu b’sodisfazzjon li l-ġlied fil-pajjiż Libjan huwa wieqaf, li beda lura l-produzzjoni taż-żejt u li hemm kalma u stabbilitá. Mhux biss, imma li fid-djalogu u d-diskussjoni interna mmexxija mill-poplu Libjan hemm iktar qbil u konverġenza li fl-24 ta’ Diċembru 2021 ser ikun hemm elezzjonijiet ġenerali liberi.
F’din lis-stqarrija intqal li il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jsostni kull sforz fit-triq lejn il-paċi u l-ġustizzja għall-poplu Libjan. Proprju għalhekk li jaqbel li jkun hemm paġna ġdida għalih fejn forzi militari u merċenarji ma jibqgħux iktar preżenti. Mhux biss imma li l-abbużi umanitarji jiġu kontrollati u r-rispett lejn il-ħajja, il-libertá u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem jiġu assigurati.
Fuq kollox il-Partit Nazzjonalista jħares ‘l quddiem lejn pajjiż liberu mingħajr interferenzi jew indħil barrani.
Il-PN jemmen li pajjiżna għandu ħafna x’joffri bħal ma għamel fil-passat lill-poplu Libjan u jittama li l-ewwel pajjiżna jibni strateġija strutturata u mmirata biex tissaħħaħ l-kollaborazzjoni u ħidma reċiproka soċjali, ekonomika u kulturali it-tieni li fil-proċessi internazzjonali futuri pajjiżna jiġi mistieden sabiex jkun parteċipi dirett.