Il-Prim Ministru Jinawgura L-Fast Ferry Bejn Malta U Għawdex

 Il-Prim Ministru Jinawgura L-Fast Ferry Bejn Malta U Għawdex

Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ inawgura s-servizz tal-fast ferry li se jkun qed jopera mill-Port il-Kbir fil-Belt Valletta għall-Port tal-Imġarr f’Għawdex.

Biex dan is-servizz seta’ jkun possibbli l-gvern investa €5 miljun biex saru l-faċilitajiet neċessarji f’Malta u fl-Imġarr Għawdex, fosthom it-terminals, investiment li għalih wieġeb il-privat billi pprovda l-bastimenti li mill-bieraħ bdew joperaw vjaġġi, f’inqas minn 45 minuta, bejn Malta u Għawdex.

Il-Prim Ministru ddeskriva l-metodu li bih il-gvern wasal għal din il-kisba bħala wieħed li jissimbolizza dak li jemmen fih il-gvern. Dan is-servizz se jfisser titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema Għawdxin u impatt pożittiv fuq l-infrastruttura marittima ta’ Malta.

Dr Abela tkellem kif “Ħaddiem Għawdxi li juża t-trasport pubbliku u jaħdem il-Belt spjegali li permezz tal-fast ferry se jkun qed jirbaħ sagħtejn kuljum. Siegħa filgħodu u siegħa filgħaxija. F’ġimgħa, għaxar sigħat u f’sena 500 siegħa. Id-doppju ta’ kemm f’sena hu intitolat leave. Spjegali kif dawn is-sagħtejn kuljum għalih se jfissru iktar ħin mal-familja.”

Il-Prim Ministru spjega kif dan hu Gvern għan-Nies, “F’pandemija ħadna ħsieb is-saħħa tan-nies iżda ma waqafniex nagħmlu r-riformi. Ma waqafniex inniedu proġetti ġodda. Ma waqafniex inlestu l-pajjiż għall-ġejjieni.”

Qabel l-ewwel vjaġġ ta’ dan is-servizz għamlu ukoll diskorsi l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “Il-fast ferry hija investiment ieħor b’turija tal-impenn tagħna favur mobbiltà iktar effiċjenti u nadifa għal pajjiżna. Apparti li dan is-servizz se jkun qed itejjeb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, se jkun qed jimmarka pass ieħor ’il quddiem f’dik li hi infrastruttura marittima denja.” Il-Ministru Borg spjega kif kompla l-investment fit-“trasport pubbliku fejn parti minn dan il-proġett investejna anke f’rotot importanti fejn iż-żgħażagħ u l-istudenti Għawdxin jistgħu anke jivvjaġġaw lejn il-kulleġġ jew l-Università. Anke f’dik li hi rifużjoni, rajna li jingħata l-istess ammont bħal meta jintuża s-servizz tal-Gozo Channel.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-gvern huwa Gvern għan-Nies għaliex wiegħed li se jtejjeb l-aċċessibilità, li se jgħin lill-Għawdxin u jtaffilhom ftit mill-piż li jġib miegħu l-ivvjaġġar u dak li għamel. Qal li lill-Għawdxin mhux biss se jiffrankaw il-ħin biex jaqsmu lejn Malta iżda se jkollhom iżjed ħin ta’ kwalità mal-familja.

Il-Ministru Camilleri semma li xi wħud saħansitra qed jaħsbu li jirrilokaw ruħhom lura f’Għawdex u jaqsmu kuljum permezz tal-fast ferry. Il-Ministru Camilleri sostna, “Jien dejjem ngħid li Għawdex jibqa’ Għawdex kemm-il darba jibqgħu jgħixu l-Għawdxin fih u għalhekk l-aċċessibbiltà hija indispensabbli.”

Il-Ministru tkellem kif dan it-titjib fil-konnettività se jfisser ukoll benefiċċji tajbin għan-negozji f’Għawdex hekk kif il-fast ferry se tattira u tħajjar iżjed turisti li jiġu jqattgħu ftit ġranet ta’ btala f’Malta biex iżuru l-gżira Għawdxija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com