Imut Anzjan Bil-Covid-19 Wara Li Ħariġlu L-Virus Għat-Tieni Darba
Waqt konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne stqarr li anzjan ta’ 82 sena li kien pożittiv għall-Covid-19 tilef ħajtu wara li ħariġlu l-virus għat-tieni darba. Jidher li r-raġel kellu diġà l-virus tal-Covid-19 xhur ilu u fieq. L-anzjan ħa ż-żewġ dożi tal-vaċċin, iżda sfortunatament fil-jiem li għaddew xorta waħda ġie pożittiv għall-virus. Il-Ministru Fearne fakkar li l-vaċċin għandu rata t’effettività ta’ bejn 94% u 95% tal-każijiet u spjega li hawn individwi li minħabba raġunijiet li x’aktarx huma marbutin mas-sistema immunitarja tagħhom, il-vaċċin ma jaħdimx fuqhom.
Il-Ministru Fearne qal li llum reġgħu ma ġewx reġistrati każijiet ġodda tal-Covid-19 f’pajjiżna, u għall-ewwel darba issa m’hemmx pazjenti pożittivi b’dan il-virus rikoverati fl-isptarijiet. In-numru ta’ każijiet attivi f’Malta issa jinżel għal 33.
Il-Ministru Fearne fakkar li l-pandemija għadha magħna u għalhekk wieħed xorta waħda irid jibqa’ kawt u jsegwi l-miżuri. Sal-bieraħ ingħataw 609,867 doża tal-vaċċin u minn nhar it-Tnejn li ġej, it-tfal li għandhom l-età rekwiżità sabiex jingħataw il-vaċċin se jibdew jirċievu l-invit.
Ritratt: Facebook/Mater Dei