Titniedha S-6 Edizzjoni Ta’ ‘BeSmartOnline’

 Titniedha S-6 Edizzjoni Ta’ ‘BeSmartOnline’

Tiġi mnedija s-sitt edizzjoni tal-proġett ‘BeSmartOnline’, bl-għan li kampanji t’għarfien jipprevjenu abbuż onlajn fuq tfal, adoloxxenti kif ukoll adulti. Ġiet żviluppata app ġdida sabiex tiżdied mal-għoddod l-oħra digà eżistenti fil-ġlieda kontra l-abbuż virtwali.

Il-proġett ġab flimkien entitajiet diversi fosthom il-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali (FSWS), l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, id-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar u s-sezzjoni tas-Cybercrime Unit tal-Pulizija ta’ Malta.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li l-għan prinċipali ta’ din il-kollaborazzjoni hu l-ħarsien tat-tfal mid-diffikultajiet li jista’ jġib miegħu l-użu tat-teknoloġija u l-għarfien lit-tfal u liż-żgħażagħ, kif ukoll lill-ġenituri u lill-edukaturi dwar l-użu għaqli tat-teknoloġija u r-riskji li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

Il-Ministru Falzon stqarr li llum it-tfal minn età żgħira jużaw it-teknoloġija. Minkejja li din hija ħaġa pożittiva immens huwa importanti li wieħed ikun mgħarraf dwar il-perikli u riskji li t-tfal jistgħu jiltaqgħu magħhom fid-dinja virtwali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti spjega li dan il-proġett, permezz ta’ Safer Internet Centre, jaħdem sabiex iqajjem kuxjenza u permezz tal-Helpline 179 joffri sapport lil dawk li jiltaqgħu m’abbuż onlajn jew ikunu huma l-vittmi ta’ abbuż. Permezz ta’ dan il-proġett l-istudenti fl-iskejjel qed ikollhom lezzjonijiet waqt is-suġġett tal-PSCD apposta relatati mal-użu tajjeb tat-teknoloġija u għarfien fuq x’għandhom jagħmlu jekk jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet t’abbuż.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com