Inawgurat L-Ewwel Mużew Malti tal-Futbol

 Inawgurat L-Ewwel Mużew Malti tal-Futbol
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, flimkien mal-President tal-MFA Bjorn Vassallo u mal-President tal-FIFA Giovanni Infantino, inawguraw l-ewwel Mużew Malti tal-Futbol fil-Millenium Stand.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ddeskriviet lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football (MFA) bħala ħolqa mill-katina tal-istorja glorjuża ta’ pajjiżna. L-MFA qed tfakkar il-120 sena mit-twaqqif tagħha biċ-ċelebrazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom bl-inawgurazzjoni tal-mużew il-ġdid tal-MFA li jiġbor fih l-istorja tal-futbol Malti. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-istorja ta’ pajjiżna hija mirquma minn ġrajjiet kbar li kkontribwew bil-kbir, minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, għall-istorja Ewropea u dinjija f’kull qasam tagħha. “Il-mużew il-ġdid tal-MFA juri bl-aktar mod ċar il-kontribut ta’ pajjiżna lejn dan l-isport”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Filwaqt li esprimiet sodisfazzjon li l-President tal-FIFA se jkun qed jiddiskuti bilateralment mal-MFA dwar l-iżvilupp tal-futbol Malti u dwar kif pajjiżna jista’ jikkontribwixxi aktar għall-komunità internazzjonali tal-futbol, il-ministru żiedet li, “Il-fubol, bħal kull sport ieħor, jista’ jservi bħala mezz li permezz tiegħu jkun espress il-prinċipju tas-solidarjetà. Il-kampanja ta’ bħalissa kontra r-razziżmu u l-mod kif id-dinja sportiva ngħaqdet f’appoġġ għall-plejer Daniż Christian Eriksen huma prova ta’ dan.”
Il-Ministru Farrugia Portelli rringrazzjat lill-MFA għal ħidmietha b’risq it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna permezz tal-futbol u awgurat aktar suċċessi fis-snin li ġejjin.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima wkoll irringrazzja lill-MFA għall-ħidma imprezzabbli tagħha fil-futbol Malti u fost it-tfal li jaspiraw li xi darba huma wkoll jilbsu l-flokk tat-tim Malti. Is-segretarju parlamentari qal li l-ftuħ ta’ dan il-mużew huwa xhieda li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, l-istorja tal-futbol Malti hija ħajja u mirquma minn ġrajjiet sbieħ li paxxew lin-nies.
Is-segretarju parlamentari fakkar li l-ħidma tal-MFA mhix rikonoxxuta lokalment biss u xhieda ta’ dan hija ż-żjara f’pajjiżna tal-President tal-FIFA Gianni Infantino. Il-ftuħ ta’ dan il-mużew, f’għeluq il-120 sena mit-twaqqif tal-MFA, jimlina b’kuraġġ u jibgħat messaġġ liż-żgħażagħ tagħna li għandhom ikunu kburin b’dak li sawwar lill-futbol Malti. Is-segretarju parlamentari semma li din l-inawgurazzjoni tikkonferma l-importanza tal-MFA li ma tiqafx mal-futbol iżda turi li din l-assoċjazzjoni hija importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.
Is-segretarju parlamentari qal li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma konġunta mal-MFA għall-ġid tal-futbol u taż-żgħażagħ Maltin. ​Filwaqt li esprima sodisfazzjon li qed iżur Malta, il-President tal-FIFA Gianni Infantino qal li dan  kien  jum speċjali hekk kif l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) qed tiċċelebra l-120 sena mit-twaqqif tagħha. Fi kliemu, il-ġurnata li qatta’ f’pajjiżna, “Tmur lil hinn minn sempliċiment ċelebrazzjoni tal-futbol.” Fl-isfond tax-xenarju pittoresk u storiku li joffri l-grawnd tas-Salinos, is-Sur Infantino ddeskriva lil pajjiżna bħala “uniku” u li jqisu daru.
Ma naqasx li l-president tal-ogħla istituzzjoni tal-futbol internazzjonali jirringrazzja lill-Gvern Malti għax-xogħol kollu li qed jagħmlu mat-tfal u maż-żgħażagħ f’mumenti bħalma għaddejjin minnhom bħalissa.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li l-Assoċjazzjoni tiftaħ mużew li jħares lura lejn l-istorja tagħha u tal-futbol Malti hija xi ħaġa sabiħa, iżda li dan iseħħ quddiem il-President tal-FIFA Gianni Infantino tkompli tagħmel dan il-mument iktar speċjali. Is-Sur Vassallo qal li ġurnata bħal tal-bieraħ hija turija tal-progress li l-futbol f’pajjiżna qed jagħmel u se jkompli jagħmel fil-ġejjieni fil-livelli kollha.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com