Injezzjoni Ta’ Madwar €1.5 Miljun Fl-Ewwel Ġimgħa Tal-€100 Vawċers Tal-Gvern

 Injezzjoni Ta’ Madwar €1.5 Miljun Fl-Ewwel Ġimgħa Tal-€100 Vawċers Tal-Gvern

Fl-ewwel ġimgħa li bdew jintużaw il-€100 vawċers tal-Gvern ġew injettati fl-ekonomija madwar €1.5 miljun. Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri ħabar dan filwaqt li ta dettalji dwar l-andament tal-użu tal-vawċers u l-proċess ta’ distribuzzjoni.

“Fil-fatt fl-ewwel ġimgħa biss tal-użu tal-vawċers, mill-vawċers il-ħomor ġew użati €765,525 filwaqt li €665,370 ġew użati permezz tal-vawċers il-blu”, qal il-Ministru Schembri filwaqt li spjega li dawn issarrfu f’madwar 6,500 ħanut li jvarjaw minn ristoranti, lukandi u ħwienet. 

Il-Ministru stqarr is-sodisfazzjon tiegħu hekk kif 690 negozju ġdid qegħdin jaċċettaw li jissarrfu l-vawċers tal-Gvern fin-negozji tagħhom. 

Il-Ministru Schembri fakkar li sal-4 ta’ Ġunju kien hemm mal-117,485 persuna li niżżlet il-vawċers tagħha b’mod diġitali filwaqt li min ma għamilx dan se jirċievi l-vawċers tiegħu permezz tal-posta rreġistrata li d-distribuzzjoni tagħhom tkun wara s-7 ta’ Ġunju. 328,251 persuna se tkun qiegħda tirċievi l-vawċers permezz tal-posta rreġistrata u sa issa 80,000 persuna diġa’ rċeviet il-vawċers tagħha b’dan il-mod.

“Hawnhekk importanti li meta l-pustier iwassal il-vawċer permezz tal-posta rreġistrata, ir-resident għandu jippreżenta l-ID card tiegħu u l-persuna fl-istess residenza tista’ tiffirma għall-vawċers ta’ persuni oħra li joqogħdu fl-istess residenza. Jekk persuna tinzerta mhix qiegħda d-dar titħalla notifika li magħha jkun hemm numru ta’ referenza, li din imbagħad tintwera fl-eqreb uffiċċju postali, flimkien mal-karta tal-identità meta dak li jkun imur biex jiġbor il-vawċers,” żied il-Ministru Schembri.

Il-MIMCOL ħadet ħsieb li persuna tkun tista’ tintraċċa l-vawċers tagħha onlajn permezz ta’ vawċersmimcol.com. “Hawnhekk il-persuna tista’ tkun taf fejn wasal il-vawċer stampat tagħha u kemm-il darba ma tkunx id-dar meta jiġi l-pustier tkun tista’ ssir taf minn liema uffiċċju postali għandha tiġbor il-vawċers u anke tottjeni n-numru ta’ referenza għall-vawċers tagħha”, spjega il-Ministru.

In-negozji għandhom jaċċertaw ruħhom li t-tranżazzjoni tal-vawċers tkun saret b’mod korrett, dan billi jaċċertaw li wara li jiscannjaw il-vawċer għandhom jieħdu ritratt tal-irċevuta fiskali kif ukoll japprovaw dik it-tranżazzjoni sakemm jaraw in-notifika ‘Voucher Transaction Complete’.

Il-vawċers jistgħu jintużaw sal-15 ta’ Settembru 2021.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com