Inżommu Lill-Anzjani Tagħna ‘l Bogħod Mill-Abbużi
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanita’ Attiva Michael Farrugia qal li l-Gvern qed jimpenja ruħu biex iżomm lill-anzjani tagħna kemm jista’ jkun ‘il bogħod mill-abbużi li jeżistu madwarhom, billi jħarriġhom ħalli jkunu kapaċi jidentifikaw kull forma ta’ riskji li jistgħu ikunu esposti għalihom.
Qal dan waqt webinar imtella’ mid-Dipartment tal-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunita’ fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-għarfien dwar l-abbuż fuq l-anzjani.
“Illum hija il-ġurnata partikolari fejn qed nimpenjaw ruħna biex noħolqu għarfien akbar dwar ir-riskji li jeżistu fost l-anzjani li jistgħu jwasslu għal diversi tipi ta’ abbuż, mhux biss fiżiku, iżda wkoll psikoloġiku, finanzjarju, sesswali, negliġenza personali jew diskriminazzjoni,” qal il-Ministru Farrugia.
Saħaq li l-anzjani huma parti mis-soċjetà u bħal kull persuna oħra, huma f’riskju ta’ abbuż għax huma persuni vulnerabbli, speċjalment meta jkunu jiddependu minn persuni oħrajn. Jistgħu wkoll ikunu esposti għal diversi tipi ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu abbużati, eżempju bħall-użu ħażin tal-internet, l-iffirmar ta’ dokumenti, it-tħaddim ta’ karti tal-kreditu u oħrajn. “Għaldaqstant irridu ngħallmu lill-anzjani mhux biss illum, meta qed infakkru din il-ġurnata, iżda matul is-sena kollha,” żied jgħid il-Ministru.
Fakkar li ftit tal-ġimgħat ilu, ġiet ffirmat ftehim mal-Universita ta’ Malta biex impjegati f’dan is-settur ikunu jistgħu jirċievu taħriġ biex jidenfikaw lil dawn il-persuni kif ukoll dwar il-metodi li għandhom jużaw biex jgħinuhom joħorġu minn sitwazzjonijiet mhux mixtieqa. Qed jiġi organizzat ukoll taħriġ għall-anzjani dwar l-użu tal-internet, l-użu tal-mobajl u teknoloġija oħra biex jitgħallmu jkunu konxju mill-possibilita ta’ abbużi li jidħlu fl-emails, f’messaġġi jew f’telefonati qarrieqa.
Il-Ministru Farrugia qal li meta ħa r-responsabbilta ta’ dan is-settur, huwa talab li jkun hemm reviżjoni tal-liġijiet kollha li jirrelataw ma’ anzjani u persuni vulnerabbli. Semma wkoll il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet ta’ anzjani li bħalissa qed tkun diskussa internazzjonalment.
Semma’ wkoll kif il-vulnerabbiltajiet mhumiex dejjem viżibbli u li l-anzjani, mhux dejjem jitkellmu, anzi, ħafna drabi jibżgħu, speċjalment meta l-abbuż ikun ġej minn membri tal-familja jew ħbieb. Temm jgħid proprju għal din ir-raġuni, għandhom ikunu konxji mhux biss dawk li jaħdmu qrib tagħhom, ta’ kif jistgħu jidentifikaw anzjan li jkun għaddej minn abbuż, iżda anke professjonisti bħal tobba u infermiera, avukati, nutara, accountants, banek u sidien ta’ ħwienet li mingħajr ma jkunu jafu, jkunu qed jiffaċilitaw direttament jew indirettament każi ta’ abbuż.