Jitlef ħajtu Wara Li L-Garaxx Imtela Bl-‘Exhaust’
Ingliż ta’ 52 sena li jgħix Ħal Balzan, miet fl-Isptar Mater Dei wara li aktar qabel instab mitluf minn sensih f’garaxx fil-Mellieħa.
Il-każ ġara llum għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar meta l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm xi duħħan ħiereġ minn garaxx fi Triq l-Iżbark tal-Franċiżi, il-Mellieħa.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u l-ewwel investigazzjonijiet juru li rraġel kien qed jagħmel xogħol fuq xi karozzi fil-garaxx, meta għal xi raġuni, il-post imtela’ bl-exhaust bil-konsegwenza li r-raġel intilef minn sensih.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet ftit ħin biss wara.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella LL.D li ħatret Inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett.