Julian Pace Bonello Ddikjarat President tal-Logħob Tal-Pajjiżi Żgħar
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello, ġie uffiċjalment iddikjarat President tal-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa (GSSE) waqt l-assemblea ġenerali ta’ dawn il-Logħob. Din il-ħatra tkun għal perjodu ta’ sentejn, minn issa sakemm Malta tospita l-Logħob fl-2023.
Il-bandiera tal-GSSE ġiet ippreżentata lis-Sur Pace Bonello mis-Sur Marti Mandinco, President tal-Kumitat Olimpiku ta’ Andorra. Andorra kien imissha biex tospita l-logħob din is-sena, madankollu minħabba l-pandemija, id-dmirijiet tagħhom ġew trasferiti għall-2025.
“Dan huwa mument ta’ unur għal Malta, speċjalment hekk kif qed nersqu eqreb li nospitaw il-logħob fl-2023. Ilna nikkollaboraw mill-qrib ma’ Kumitati Olimpiċi oħra, partikolarment fid-dawl tal-pandemija” iddikjara Julian Pace Bonello.
Il-President tal-MOC, irrikonoxxa wkoll il-kooperazzjoni u l-appoġġ tal-Gvern u SportMalta li magħhom il-Kumitat jaħdem mill-qrib fuq bażi regolari.
Matul l-assemblea ġenerali, ġiet mogħtija preżentazzjoni dwar il-programm sportiv skedat għal Malta 2023.
Għal-laqgħa attendew il-pajjiżi membri kollha tal-GSSE. Preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti Joseph Cassar.
Ritratt: KOM