Mill-5 Ta’ Lulju Jibdew L-Attivitajiet Soċjali B’Udjenza Bilqiegħda U Limitata Sa 100 Persuna

 Mill-5 Ta’ Lulju Jibdew L-Attivitajiet Soċjali B’Udjenza Bilqiegħda U Limitata Sa 100 Persuna

llum tħabbar li minn Lulju jistgħu jerġgħu jibdew isiru l-attivitajiet b’mod ikkontrollat: fil-5 ta’ Lulju 100 persuna mlaqqmin kompletament jistgħu jattendu attività iżda jibqgħu bilqiegħda. Fil-ġimgħat ta’ wara n-numru ta’ persuni se jkompli jiżdied sakemm jogħla għal 200.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Kultura José Herrera u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbru dan waqt konferenza tal-aħbarijiet waranofsinhar.

L-attivitajiet jistgħu jsiru kemm ġewwa u kemm barra iżda f’post magħluq fejn ikun hemm l-entratura kkontrollata.

Id-deputat Prim Ministru qal li għalissa l-attivitajiet permessi se jkunu għal udjenza bilqiegħda skont il-protokolli ta’ saħħa pubblika biex tibqa’ tinżamm id-distanza soċjali.

Qal li għal kull attività se jitolbu li timtela’ formula ta’ risk assessment li se tkun disponibbli mit-Tnejn li ġej mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

In-numru li jistgħu jattendu għal dawn l-attivitajiet se jibda jiżdied b’mod gradwali. Dan ifisser li fil-5 ta’ Lulju, attività jista’ jkollha 100 persuna, li tiżdied ħmistax wara għal 150 ruħ u fit-2 ta’ Awwissu għal 200 ruħ.

Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu ta’ kwalunke xorta fosthom kulturali u soċjali.

Il-Ministru għas-Saħħa qal li dan ifisser li b’mod kawt u mingħajr ma qed nipperikolaw dak li erbaħna s’issa bis-saħħa tal-vaċċin u l-miżuri restrittivi se nkunu qegħdin nerġgħu niftħu l-ħajja kulturali u soċjali.

Ll-Ministru Herrera qal li wara li fis-7 ta’ Ġunju fetħu s-swali taċ-ċinema u t-teatri, issa qed nidħlu fit-tieni fażi. Se niftħu b’mod gradwali l-attivitajiet u l-avvenimenti b’mod kontrollat b’udjenza limitat fejn id-dħul ikun ikkontrollat għal dawk li se jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Waqt li se jiftħu b’ammont ta’ 100 ruħ, f’erba’ ġimgħat se niftħu għal attivitajiet ta’ 200 ruħ. Dan għax kull ħmistax, in-numru jiżdied b’50 ruħ. Dawn ma jinkludux staff, crew tekniku u artisti.

Il-Prof. Charmaine Gauci qalet li dawk li ma jistgħux jieħdu l-vaċċin fosthom tfal taħt il-11-il sena se jkunu jistgħu jattendu għal dawn l-attivitajiet iżda b’għadd ta’ kundizzjonijiet. Dawk taħt il-5 snin mhux se jkollhom bżonn ebda test tal-Covid-19, waqt li dawk ta’ bejn il-5 snin u 11-il sena, iridu jippreżentaw test. In-nisa tqal iridu jippreżentaw ċertifikat li huma tqal u test tal-Covid li juru li huma negattivi għall-virus.

Qalet li dawn id-dokumenti fosthom iċ-ċertifikat tal-vaċċin irid jiġi ċċekkjat fl-entratura u l-organizzaturi se jkollhom faċilità li jivverifikaw li ċ-ċertifikat tal-vaċċin huwa validu. Dan ifisser li l-organizzaturi jridu japplikaw għall-permess mal-MTA u li dawn l-events iridu jsiru permezz ta’ booking, jiġifieri m’hemmx nies li jistgħu jaqbdu u jidħlu jew permezz ta’ biljetti fl-entratura.

Il-limitu ta’ persuni fil-post huwa ta’ persuna għal kull 4 metri kwadri b’capping li jibda b’mitt ruħ. Qalet li jekk l-attività se ssir barra, irid ikun hemm distanza ta’ bejn 5 u 10 metri biex tevita li jinġabru n-nies.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com