Kostum Tal-Band Kantera Jsib Postu Fil-Mużew Tal-Futbol Malti Miftuħ Minn Ġianni Infantino

 Kostum Tal-Band Kantera Jsib Postu Fil-Mużew Tal-Futbol Malti Miftuħ Minn Ġianni Infantino

Il-band Kantera twaqqfet fl-2020 bl-għan li tressaq il-ġeneru folk tradizzjonali Malti ma’ dak modern. Lura f’Marzu konna ktibna artiklu dwar l-iskop kulturali tagħhom; dik li tkun elevata l-lingwa Maltija permezz tal-mużika.

Madankollu, minkejja dan, il-missjoni tagħhom ma tieqafx mal-mużika biss. Fil-fatt, anki l-ħwejjeġ li jużaw huma influwenzati mill-kultura Maltija, u għal din ir-raġuni ġew mitluba mill-kuratur tal-mużew tal-MFA biex jagħtu wieħed mill-kostum li wżaw fil-festival Mużika Mużika biex jiġi esebit fil-mużew tal-futbol Malti li nfetaħ riċenti.

Il-kostumi, u l-kliem miktub fuqhom, jirreferu għall-poeżija “Jum ir-rebħ” ta’ Ruzar Briffa, poeżija li tfakkar il-logħba tal-futbol li saret fl-1945 bejn Malta u Hajduk Split. F’dik l-okkażżjoni partikolari, indaqqu l-innu tal-Jugoslavja u l-Gran Brittanja fil-bidu tal-partita, madankollu l-innu Malti ma ndaqqx. Meta raw hekk, il-partitarji Maltin qamu lkoll ikantaw l-Innu Malti ta’ Dun Karm Psaila. Naturalment dan kien avveniment storiku mhux biss għall-futbol Malti, iżda wkoll għan-nazzjonaliżmu Malti kollu kemm hu.

Il-versi tal-ftuħ mill-poeżija ta’ Rużar Briffa, li jfakkru dan l-avveniment nistgħu ngħidu li baqgħu popolari u għandhom post speċjali fil-letteratura Maltija. U l-Kotra qamet f’daqqa – u għajtet: “Jien Maltija! Miskin min ikasbarni, – Miskin min jidħak bija!”, jgħidu l-versi. U daqs kemm dawn il-versi kienu japplikaw fl-1945, hekk ukoll japplikaw illum. Huwa għalhekk li l-missjoni ta’ Kantera hi li tkompli tippromwovi l-kultura Maltija akkost ta’ kollox.

Il-band Kantera hija onorata li għandha kostum oriġinali tal-grupp f’dan il-mużew il-ġdid li ġie inawgurat mill-President tal-FIFA Gianni Infantino nnifsu.

“Meta tkun għadek żgħir, il-ħolma tiegħek dejjem tkun li tagħmel xi ħaġa li tibqa’ mfakkar għaliha. Inħarsu ’l quddiem sabiex inkomplu niżviluppaw il-proġett tagħna u nallegrawkom bil-mużika u l-prestazzjonijiet tagħna”, tennew magħna.

Minn Stradarjali.com, awguri għal darb’oħra Kantera.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com