L-Aġenzija Residenza Malta Tniedi ‘Nomad Residence Permit’

 L-Aġenzija Residenza Malta Tniedi ‘Nomad Residence Permit’

Residenza Malta, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Identità Malta, nediet Permess ta’ Residenza msejjaħ Nomad Residence Permit. Din l-inizjattiva toffri lil professjonisti minn pajjiżi terzi l-opportunità li jaħdmu remotament minn Malta għal perjodu temporanju, f’konformità mal-qafas legali attwali.

Applikanti jistgħu jaħdmu b’mod remot minn Malta għal perjodu temporanju, li jista’ jkun twil sa sena. Biex jagħmlu dan, għandhom juru li jistgħu jaħdmu b’mod remot, irrispettivament mill-post li jinsabu fih. Dawn il-professjonisti jridu jkunu jaħdmu ma’ kumpaniji li huma irreġistrati barra mill-pajjiż, iwettqu attività kummerċjali għal kumpaniji reġistratai barra mill-pajjiż, jew joffru servizzi ta’ konsulenza u freelance lil klijenti li l-istabbilimenti permanenti tagħhom huma f’pajjiż barrani.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal: “Din l-inizjattiva se tippromwovi lil Malta u żżid id-domanda globali għal pajjiżna bħala post minn fejn jista’ jsir xogħol remot. Il-pandemija introduċiet xejriet ġodda fil-mod li bih naħdmu. Hemm intraprendituri li jistgħu jaħdmu mill-bogħod billi jużaw it-teknoloġija u hemm min għandu ħeġġa kbira jivvjaġġa u jiskopru pajjiżi u kulturi ġodda. Dawn qed nilqawhom hawn Malta għax għandna ħafna x’noffru, mill-klima tagħna għall-istil ta’ ħajja Mediterranja, fejn l-Ingliż huwa lingwa nazzjonali u ssib storja u l-kultura f’kull rokna, biex ma nsemmux l-aċċess għal servizzi ta’ kura tas-saħħa eċċellenti. Dan kollu jagħmel lil intraprendituri globali komdi f’pajjiżna u lesti jilqgħu l-istedina ta’ pajjiżna, intiża biex tattira konsum barrani f’Malta.”

“Jekk hemm xi tagħlima mill-pandemija, hija li n-nies huma lesti li jiċċaqalqu aktar minn qatt qabel,” qal Charles Mizzi, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Residenza Malta. “Residenza Malta kienet proattiva u nediet dan il-permess ġdid li jippermetti lil intraprendituri diġitali jiġu Malta u jaħdmu hawn, filwaqt li jgawdu mill-vantaġġi kollha li Malta toffri lill-barranin. Il-proċess huwa sempliċi u aħna nwiegħdu servizz effiċjenti li ħaddiema għaqlin jistennew. ”

Anton Sevasta, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta qal: “Is-servizz il-ġdid tal-viża għall-applikanti nomadi huwa parti mis-Servizz il-ġdid tal-Visa Premium li l-Aġenzija Identity Malta se tkun qed tniedi fil-ġimgħat li ġejjin. Is-servizz huwa maħsub għal professjonisti b’ħiliet għolja u għandu l-għan li jissimplifika l-proċess mingħajr ma jikkomprometti l-eżerċizzji ta’ due diligence.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com